Dun Anġ Seychell | Il-Knisja, minn għajnejn iż-Żejtuni Arthur G. Vella

IIlum il-Knisja trid tkun Knisja ta’ djalogu ma’ kulħadd u ta’ apertura sħiħa għax dan hu l-mudell ta’ Knisja li jaqbel mal-libertà tal-fidi

Arthur G. Vella , Ġiżwita miż-Żejtun, ħabib kbir tiegħi, Żejtuni bħali, benefattur kbir tal-kleru Malti u tal-poplu kollu ta’ Malta u Għawdex, f‘Ġunju 1989 kien ħa sehem fl-aġġornament tal-kleru bl-isem: “Lejn preżenza ġdida tal-Knisja fis-Soċjeta Maltija” 

Xtaqt naqsam mal-qarreja tal-gazzetta ILLUM ftit mill-ħsibijiet tiegħu dwar dan is-suġġett li għadu attwali anke llum: Biex l-evanġelizazzjoni ma tkunx ħaġa ta’ qoxra u superfiċjali, hemm bżonn ta’ katekeżi serja u profonda u niftakru li l-mezzi għall-evangelizazzjoni jinsabu f’idejna. Irridu nagħmlu bħalma għamel Dun Ġorġ Preca fi żmienu u għadhom jagħmlu l-membri tas-soċjetà tiegħu llum. Biex ma nkomplux f’sagramentaliżmu, nieqes minn evanġelizzazjoni serja u biex nirbħu ċertu moraliżmu, jew aħjar minimaliżmu morali, hemm bżonn li nwarrbu kull xorta ta’ medjokrità u ninxteħtu għall-vera vokazzjoni tagħna, li msejħa għall-qdusija għall-maturità Nisranija. Għallhekk hemm bżonn li ngħarfu dak li qed jiġri madwarna u nirriflettu fuqu. 

Irridu nirriflettu fuq il-movimenti ġodda li nibtu u qed jinbtu fil-Knisja tagħna f’Malta dawn l-aħħar snin; ma nistgħux ma nagħtux kashom jew niġġudikawhom bil-preġudizzji, meta naraw li l-għan tagħhom hu li jgħixu ħajja ta’ mpenn Nisrani. Jekk ninjorawhom jew neħduha kontra tagħhom mingħajr dixxerniment serju, nkunu qed nissograw ħwejjeġ serji li ma nintebħux li l-Ispirtu t’Alla jista’ qed jgħidilna xi ħaġa importanti permezz tagħhom, jew nistgħu wkoll qed nissugraw li b’xi mod nkunu ħatja li xi moviment minnhom jinqata’ tabiħaqq minn ħdan il-Knisja jew li jingħalaq fih innifsu u jgħix f‘ghetto, jew li jaqa’ fit-tentazzjoni kontra l-Vanġelu u jaħseb li l-membri tiegħu huma aħjar mill-oħrajn. 

Knisja ta' djalogu! 

IIlum il-Knisja trid tkun Knisja ta’ Djalogu ma’ kulħadd u ta’ apertura sħiħa għax dan hu l-mudell ta’ Knisja li jaqbel mal-libertà tal-fidi. Id-djalogu jgħinna nifhmu aħjar lil ħutna li jkunu għaddejjin minn tant diffikultajiet. Knisja ta’ djalogu tisma’, tinsa lilha nfisha, tfittex u tafferma mal-verità u tirrispetta s-sagru tal-kuxjenza tal-bniedem. Mad-djalogu rridu nżidu Knisja ta’ parteċipazzjoni u sehem li għandha tistieden lil-lajċi għaliha, għax dan hu d-dmir tal-istess lajċi biex jgħixu l-vokazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-Knisja u dan jagħmluh b’konvinzjoni u skont l-aħħar tagħlim tal-enċiklika tal-Papa Christi Fideles Laiċi. 

Komunitajiet! 

L-għaqda li tant għandha bżonn il-Knisja, jew ir-rikonċiljazzjoni, la tiġi mill mexxejja politiċi u lanqas mill-mexxejja ekkleżjastiċi għax din ma tistax tiġi kkmandata jew imposta, għax il-maħfra, il-ħniena, l-imħabba joħorgu mill-qalb u mhux mill-istituzzjonijiet. Għal dan jien nemmen li l-isforz irid jiġi minn kullħadd, ikun ta’ liema kulur, u t-triq li tieħu għal din l-għaqda hi dik ta’ ċelluli jew kommunitajiet zgħar li jibdew mill-istess familji Nsara: gruppi ta’ kommunitajiet żgħar ta’ ħajja sempliċi fi ħdan il-parroċċi, jiġifieri forma ta’ komunitajiet li b’fidi qawwija jgħixu l-għaqda ta’ mħabba fi djalogu ta’ rispett u fil-paċi. Qed nifhem komunitajiet ta’ mpenn li jibqgħu miftuħa fl-istess parroċċa jew knejjes filjali tagħha u li jiġu magħġuna mill-istess familji f’Malta li minkejja t-theddid kollu, għadhom tant f’saħħithom niżżuħajr lil Alla! U dan jista’ jsir mingħajr ma wieħed jittraskura r-reliġjożità popolari. 

Xhieda evanġelika 

Hemm bżonn kbir ta’ xhieda ta’ ħajja tassew evanġelika, speċjalment minn min hu l-aktar responsabbli, bħalma huma s-saċerdoti u r-reliġjużi. B’mod l-aktar partikolari nemmen li r-reliġjużi huma msejħa biex jagħtu xhieda profetika skond il-kariżmi tagħhom. Fil-bidu semmejt li kellna ħafna vokazzjonijiet; illum naqsu ħafna nistaqsi jekk jistax ikun li nxteħtu wisq fuq Opri ġodda, fuq ħafna attivitajiet, li forsi mhux kollha huma fil-linja tal-kariżma awtentika tagħhom u li għamlu hekk ukoll mingħajr ma qraw sewwa is-sinjali taż-żminijiet. Dan il-fatt jista’ jispjega wkoll in parti nuqqas kbir ta’ vokazzjonijiet f’xi wħud. Din ix-xhieda kariżmatika u profetika rridu nagħtuha fi ħdan il-fidi awtentika li nħaddnu u li nistqarru u ngħixu, dejjem skont il-maġisteru tal-ġerarkija tal-Knisja li lejha nuru rispett u ubbidjemza. 

Knisja tal-Anawim (fqar tal-Evanġelju) 

Irridu bilfors niftakru li fil-Knisja Maltija hemm forza qawwija li għadha timliena bil-kuraġġ u bit-tama, u din hi tan-nies sempliċi, ta’ fidi sempliċi u ta’ rieda tajba li jiffurmaw Knisja ta’ dawk li l-Knisja ssejjaħ ANAWIM. 

Dan il-mudell ta’ Knisja li l-qawwa tagħha hi fid-dgħjufija u fl-umiltà jixħet dawl ġdid, għax fil-ħajja ta’ fidi sempliċi u ta’ umilta’ nagħrfu l-ispirtu tal-Mulej li jrid imexxina. Din hi Knisja ibbażata fuq l-umilta’ u l-ubbidjenza matura ta’ nies ta’ fidi sempliċi u qawwija fl-istess ħin u mhux fuqna nfusna jew fuq xi privileġġi jew poteri. Din hi Knisja magħmula mill-faqar tal-Vanġelu, tinġabar fit-talb u tgħix is-sagrifiċċju bħala prezz tal-imħabba u tal - għaqda; din Knisja li titgħallem mill-istess ħajja tal-membri ‘żgħar’ tagħha u li għamlet l-għażla preferenzjali għall-faqar, kemm dawk spiritwalment u kemm dawk materjalment fqar, għażla li l-pjan pastorali jqiegħed ‘l fuq nett fil-prioritajiet u l-opri soċjali tal-Knisja Maltija huma xhieda wkoll tagħha. 

Dan hu l-mudell ta’ Knisja f’konverżjoni kontinwa, tkun xhud ta’ Kristu fost il-bnedmin, tal-faqar evanġeliku tiegħu u tas-servizz umli tieghu lill-bnedmin: Knisja dejjem aktar miftuma minn kull ġibda għal xi privileġġ jew xi poter; Knisja li fil-ħidma tagħha għall-bniedem iġġib 'l quddiem bil-kuraġġ, il-verità, il-ġustizzja u l-libertà. 

More in Socjali