Il-futur tas-soċjetà Maltija: il-Politika Soċjali – żmien biex nippjanaw ’il quddiem
Sabiex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini hemm bżonn ta’ viżjoni robusta li tippermetti lill-Gvern jippjana ’l quddiem bil-għan li jindirizza l-bżonnijiet u l-isfidi futuri. B’dan l-objettiv f’moħħu, il-Gvern beda inizjattiva ambizzjuża li timmira li tiżviluppa viżjoni għas-settur soċjali
Din l-inizjattiva msejħa “Viżjoni Soċjali għal Malta tal-2035: insawru l-futur tas-soċjetà tagħna”, għandha l-intenzjoni li tibni fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà waqt li tipprovdi l-opportunità liċ-ċittadini sabiex jaspiraw għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Sabiex jiġi żgurat li jiġi adottat approċċ komprensiv filwaqt li tiġi żviluppata din il-viżjoni, twettaq proċess ta’ prekonsultazzjoni. Is-setturi li ġew identifikati jinkludu: persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali; tfal; persuni b’diżabilitajiet; żgħażagħ; anzjani; familji; persuni bi problemi ta’ dipendenza; ir-riintegrazzjoni ta’ persuni li wettqu reati fil-passat; il-vjolenza, l-abbuż u l-esplojtazzjoni; il-persuni LGBTIQ+ u l-migrazzjoni. Din il-prekonsultazzjoni kkontribwiet lejn l-iżvilupp tal-ewwel abbozz tal-Viżjoni Soċjali ta’ Malta li hija mistennija titnieda għal konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Viżjoni ta’ Malta għas-settur soċjali hija mistennija tipprovdi d-direzzjoni meħtieġa kif ukoll li tiġi kkumplimentata minn numru ta’ dokumenti ta’ policies u pjanijiet ta’ azzjoni li se jiġu ppubblikati fil-futur.
It-tfal huma l-futur tas-soċjetà tagħna u jistħoqqilhom attenzjoni xierqa, speċjalment tfal li huma fir-riskju tal-faqar. F’dan il-kuntest, il-Gvern qed jiżviluppa “Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali ta’ Malta” sabiex jikkontribwixxi lejn il-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jippreżenta inizjattivi attwali u futuri li jikkontribwixxu lejn il-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali waqt li fl-istess ħin jkompli jsaħħaħ l-isforzi sabiex jiggarantixxi aċċess għal servizzi ta’ kwalità għat-tfal fil-bżonn, speċjalment f’oqsma li jinkludu: l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni (inklużi attivitajiet li huma bbażati fl-iskola), il-kura tas-saħħa, in-nutrizzjoni u l-akkomodazzjoni.
Barra minn hekk, qed jitħejjew pjanijiet sabiex jibda wkoll proċess prekonsultattiv vis-à-vis l-iżvilupp ta’ qafas policy li jiffoka fuq il-familji. L-għan ewlieni huwa li jiġu pprovduti l-għodda meħtieġa li jindirizzaw ir-realtajiet tal-lum u li jiġi pprovdut l-appoġġ meħtieġ għall-familji bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Fis-snin riċenti bdew isiru sforzi bil-għan li jiġi adottat approċċ li jpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru. F’dan ir-rigward, id-Diviżjoni bdiet inizjattiva estensiva bil-għan li tevalwa r-relevanza u l-adegwatezza tal-Att tas-Sigurtà Soċjali . Barra minn hekk, bħala parti minn din l-inizjattiva, qed isiru sforzi biex jiġi ssimplifikat l-Att u li fejn huwa possibbli jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn.
Li tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru tas-servizz jirrikjedi komunikazzjoni ċara. F’dan ir-rigward, inħass il-bżonn li l-komunikazzjoni mal-pubbliku ġenerali titjieb u tiġi ssimplifikata. L-għan ta’ dan huwa li l-komunikazzjoni tinftiehem aħjar mill-udjenza fil-mira. Dan huwa partikularment relevanti meta l-komunikazzjoni tinvolvi kliem tekniku legali, jew meta tkun immirata għat-tfal, eċċ. F’dan il-kuntest, f’kollaborazzjoni mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, id-Diviżjoni qed tindirizza konferenza li tiffoka fuq il-kunċett ta’ Kitba Ċara. Din il-konferenza se tiffoka fuq il-kunċett ta’ kitba sempliċi f’dokumenti jew ittri bil-għan li tippermetti lill-qarrejja jifhmu l-messaġġ b’mod aktar ċar, u għalhekk tiġi assigurata komunikazzjoni aktar effettiva mal-pubbliku ġenerali.
Huwa evidenti li l-bżonnijiet tas-soċjetà qed jinbidlu u l-Gvern bħala l-entità li tfassal il-policies jrid jippjana b’mod għaqli sabiex jilħaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Maltin. Huwa f’dan il-kuntest li l-Gvern qed jiffoka l-isforzi tiegħu sabiex jindirizza bl-aħjar b’mod l-isfidi attwali u futuri waqt li fl-istess ħin jilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini.
Tikteb Denise Fiorentino, Direttur Ġenerali (Riċerka, Policy u Operat), Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal
Dan huwa wieħed minn serje ta’ artikli bil-għan ta’ kommemorazzjoni tax-Xahar tal-Ġustizzja Soċjali lkoll organizzati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal