Steve Ellul | Il-paci fl-Ewropa
'Jekk mhu se nagħmlu xejn, l-Ewropa trid taċċetta li fi ħdanha se jkollha Afganistan jew Libja oħra. Pajjiż fallut u ingovernabbli fejn ir-Russi se jkollhom kontrol fit-territorju. Eżatt bħal ma għandhom fis-Sirja'
Għal ewwel darba f’għexieren ta snin, ċċelebrajna Jum l-Ewropa – suppost ġurnata li tfakkarna fl-għaqda bejn il-pajjiżi - bi gwerra fil-qalba tal-kontinent. Fl-istess jum ġewwa l-Ukrajna inqatlu 150 ruħ. Intant kullħadd jitkellem fuq kemm se nibagħtu armamenti u fuq sanzjonijiet ġodda. Dwar il-paċi però… silenzju li jtarrax.
Gwerra infami u invażjoni bla ġustifikazzjoni
L-invażjoni tar-Russja hija att ta gwerra totalment inġustifikat. L-Ukrajna huwa stat sovran li għandu id-dritt li jiddeċiedi id-destin tiegħu. Il-poplu Ukren, b’mod demokratiku għażel lil Zelensky minħabba l-ambizzjonijiet Ewropej u Atlantisti tiegħu. Għax dan ma għoġobx lir-Russja ma jfissirx li Putin għandu xi dritt storiku li jinvadi u jeqred l-eżistenza ta’ nazzjon sħiħ.
Din hija gwerra salvaġġa u mhijiex wisq differenti mil-invażjoni Nazzista taċ-Ċekoslovakkja u l-Polonja. Mhux ta min wieħed jipprova jagħti x’jifhem li dan huwa xi kunflitt periferali, jew agħr min hekk xi operazzjoni militari speċjali bħal ma qed tgħid il-propoganda Russa.
Afganistan fl-Ewropa
L-ebda superpotenza qatt ma ħakmet pajjiz biex tirritorna lura fuq il-passi tagħha wara ftit xhur. Anke meta jkun evidenti li l-invażjoni tkun falliet, il-gwerra tkompli għal għexieren ta’ snin, għax ‘hekk ikun jaqbel.’ Għamlu hekk l-Amerikani fil-Vjetnam, ir-Russi u l-Amerikani warajhom fl-Afganistan, fl-Iraq u fis-Sirja.
Fil-Libja, il-gwerra - li issa ilha għaddejja aktar minn 11 il-sena – ma waslet għal xejn. Il-bombi ma esportawx id-demokrazija, is-sanzjonijiet ma ġabux il-paċi. Illum il-Libja hija stat fallut maqsum bejn milizji armati, mifrud u ingovernabbli.
L-Ukraina qed tiffaċċja din ir-realtà. Iva, il-gwerra dak li ġġib.
Hillary Clinton din il-ġimgħa stess qablet il-gwerra fl-Ukraina ma’ dik fl-Afganistan u fil-verità għandha ragun. Jekk mhu se nagħmlu xejn, l-Ewropa trid taċċetta li fi ħdanha se jkollha Afganistan jew Libja oħra. Pajjiż fallut u ingovernabbli fejn ir-Russi se jkollhom kontrol fit-territorju. Eżatt bħal ma għandhom fis-Sirja.
Bejn Abel u Kajin
Hawn min jargumenta li dan huwa essenzjalment l-objettiv veru ta’ Putin. Dan għaliex stat imkisser mill-gwerra jkun jeżisti biss fuq il-karta imma fil-verità ma jkollu l-ebda kapaċità li jieħu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-interessi Russi.
Min-naħa l-oħra għall-Amerikani, l-Ukrajna tista’ tkun replika utli tal-invażjoni Sovjetika tal-Afganistan. Gwerra li żżomm lir-Russi mweħħlin f’kunflitt bla sens bi spejjez ekonomiċi kbar għal tul ta snin li tista’ twassal għal kollass ekonomiku preċiżament bħal ma ġara bil-gwerra fl-Afganistan li wasslet għall-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika.
Iħallsu l-prezz l-Ukreni u l-Ewropej
Huma x’inhuma l-interessi politiċi u ekonomiċi tas-superpotenzi, il-prezz ta’ dan kollu mhu qed iħallsu ħadd ħlief l-Ukreni u l-Ewropej. Tal-ewwel b’ħajjithom filwaqt li l-popli fl-Ewropa qed jesperjenzaw inċertezza bla preċedent fuq is-sigurtà tagħhom u b’impatt ekonomiku li jaf ikun ħafna akbar minn dak li ħalliet il-pandemija.
F’dan il-kuntest, ir-risposta Ewropea għal din is-sitwazzjoni huwa sforz belliku għal armament tal-Ukrajna u sanzjonijiet ekonomiċi fuq ir-Russja. Dan fiwaqt li mexxejja oħra fl-Ewropa qed jagħmlu pressjoni serja sabiex l-Ukrajna saħansitra tissieħeb b’mod awtomatiku fl-Unjoni Ewropea bl-implikazzjonijiet kollha li din is-sħubija iġġib magħha.
Magħqudin għall-gwerra imma mifxulin dwar il-paci
Qisu ħadd fl-Ewropa kollha mhu qed jikkunsidra l-fatt li filwaqt li l-armament tal-Ukrajna waħdu mhux se jwassal għal waqfien mill-ġlied (imma bil-maqlub għal kontinwazzjoni tal-gwerra b’mod permanenti), bl-istess mod, is-sanzjonijiet waħedhom qatt ma solvew gwerer u lanqas qatt ma wasslu għal regime change.
L-Iran ilhom taħt sanzjonijiet ekonomiċi 40 sena. Kuba saħansitra għal 60 sena. Fl-ebda wieħed min dawn il-pajjiżi ma seħħ l-ebda bidla tar-reġim. Anzi, is-sanzjonijiet dejjem intużaw mil-awtoritajiet sabiex jivvitimizzaw lilhom infushom quddiem il-poplu u jsaħħu l-argument tagħhom domestikament.
Filwaqt li tagħmel sew l-Ewropa li tkun soda mar-Russja, huwa essenzjali li t-tfittxija għall-paċi tieħu l-prijorità wkoll. Ħadd aktar mill-Ewropa ma għandu interess li tinstab soluzzjoni paċifika li tipproteġi liċ-ċittadini Ukreni u Ewropej mill-atroċitajiet tal-gwerra.
Jidher però li kulħadd qiegħed jibża’ jitkellem dwar il-paċi u dwar il-bżonn li jsir dak kollhu possibbli biex tinstab soluzzjoni diplomatika għall-gwerra. F’jum l-Ewropa ma kienx hemm diskors ta’ mexxej Ewropew wieħed jew waħda li ma kkwotax id-dikjarazzjonijet t’a Schuman, imma min minnhom qiegħed verament jaħdem biex il-gwerra fl-Ewropa terġa’ ssir materjalment impossibbli?