Owen Bonnici | Sajf sabiħ
Il-poplu ilu sentejn nieqes mill-festi u mhux ta’ b’xejn qed iħares ‘il quddiem lejn Sajf sabiħ mimli festi wara sentejn ta’ ċaħda
Sa issa kull fejn saru jew qed isiru l-festi huma suċċess kbir. Fid-diversi rħula li saru jew qed isiru l-festi, n-nies ikkonkorriet bi ħġarha u l-imsieraħ qed ikunu litteralment fgati bin-nies.
Nhar il-Ħadd kienet il-festa ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq u ħadt l-okkażjoni biex nawgura lill-partitarji kollha ta’ din il-festa tant sabiħa. Fil-jiem ta’ qabel, rajt il-pjazza ta’ Ħal Għaxaq kull jum mimlija nies, żgħażagħ u anzjani jieħdu pjaċir u jiddevertu kemm bil-baned u kemm b’guests li daqqew mużika live u anke DJs.
Jien u nara dawn ix-xeni sbieħ ta’ nies jieħdu pjaċir ma stajtx ma niftakarx f’nies li xi darba jew oħra kienu bħal donnhom qed jaqtgħu qalbhom li l-festi dan is-sajf se jbatu wara sentejn ta’ sagrifiċċju. Iżda jekk ix-xemx minn filgħodu turik, żgur li se jkollna Sajf sabiħ mimli enerġija, kultura u divertiment.
Aħna bħala Gvern għamilna l-parti tagħna fejn nidejna fond ta’ €500,000 li għandu l-għan li għal din is-sena tenut kont tal-pandemija nagħtu massimu ta’ €6,000 lil kull festa (maqsumin fuq tliet strands tal-armar, banda u nar) biex imorru sabiex jittaffew l-ispejjeż organizzattivi.
Kif nafu fl-aħħar sentejn ma kienx hemm fund-raising activities u l-volontarjat, sakemm jerġa’ jistartja, jista’ jkun li jkun hemm bżonn ftit iktar żmien. U għalhekk aħna nidejna dan il-fond ta’ darba biex ngħinu lill-festi tagħna f’dan iż-żmien ta’ wara l-pandemija.
Din l-għajnuna niżlet tajjeb immens u informat li hemm interess kbir fiha.
Bl-istess mod erġajna tajna l-€5,000 għajnuna lill-Kmamar tan-Nar kollha li jaħdmu fuq bażi volontarja biex issaħħu l-aspetti ta’ health and safety.
Naturalment l-isfidi fejn jidħlu l-festi ma jonqsux. Hemm diversi: dawk marbuta mal-bandisti, dawk marbuta mas-sede tal-każini li m’humiex proprjeta’ tal-każin stess u oħrajn marbuta mar-relazzjoni bejn il-festi u l-awtoritajiet regolatorji. Fuq kull lat qed naħdmu bil-għaqal ħalli nwettqu futur b’saħħtu u l-festi jibqgħu fuq pedament sod daqs l-azzar.
Il-Gvern hu ċar li jrid jagħti l-ossiġnu u l-arja biex din l-espressjoni kulturali u popolari tibqa’ tissaħħaħ u tibqa’ tattira iktar u iktar udjenzi.