Marie Louise Coleiro Preca | Ħuti. Ħutna....
Għal xi wħud li jaraw lil bnedmin ta’ kulturi u/jew kulur differenti bħala anqas minna, l-argument tagħhom huwa li dawn se jimponu fuqna l-kultura tagħhom. Lil dawn in-nies li jirraġunaw b’dan il-mod jiddispjacini għalihom, għaliex narahom li għadhom jgħixu taħt l-influwenza tal-kolonnja...
L-20 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Ġnus Maqgħquda tfakkar Il-Jum Dinji tar-Refuġjati. Dan huwa jum iddedikat biex niftakru f’dawk il-miljuni ta’ persuni, familji, żgħażagħ u tfal li kellhom jitilqu darhom u pajjiżhom biex jaħarbu mill-gwaj tal-gwerrer, kunflitti, persekuzzjoni, faqar, effetti qawwi tat-tibdil fil-klima u sitwazzjonijiet oħra prekarji.
Fl-aħħar għaxar snin il-popolazzjoni tar-refuġjati madwar id-dinja, irdoppjat.
Skont il-UNHCR hemm aktar minn 84 miljun ruħ li kellhom jaħarbu minn djarhom u kważi 27 miljun ruħ minnhom huma refuġjati. Dan huwa l-akbar numru ta’ refuġjati li qatt rat id-dinja. Dan in-numru ma jiħux in konsiderazzjoni il-kriżi ta’ refuġjati mill-Ukrajna.
Huwa stmat li madwar 35 miljun minn din il-popolazzjoni huma tfal taħt it-18-il sena. Dan ifisser li 42% ta’ dawk kollha li kellhom jaħarbu minn darhom jew inkella twieldu fil-proċess tal-immigrazzjoni, huma tfal.
Fil-ħarba ta’ dawn in-nies minn pajjiżhom f’din in-naħa tad-dinja, eluf ma jirnexxilhomx jaslu f’ambjent sigur. Fir-reġjun tagħna eluf jitilfu ħajjithom fil-baħar Mediterran. Il-Papa Frangisku li kien magħna ftit tal-gimgħat ilu, jiddiskrivi l-baħar Mediterran, bħala ‘ċimiterju kbir’. Nies oħra jinqabdu fil-kampijiet fil-Libja fejn sfortunatament huma magħrufa għat-tortura, stupru, skajvitù u persekuzzjonijiet oħra.
Dawk li jirnexxielhom jaslu f’art Ewropea, ħafna drabi m’humiex milqugħa. F’pajjiżna, uħud minnha xejn ma narawhom sbieħ, anzi hemm fostna li jehdew joffendu u jinsultaw lil dawn l-imsejkna bnedmin bħalna.
Dawk fostna li jaġixxu b’dan il-mod lanqas jirrealizzaw li aħna bħala ġens, aħna ġens migrant. Poplu li tant eluf minn fostna kellhom jitilqu kollox warajhom biex isibu x-xogħol biex jiksbu ħajja u għixien diċenti.
Għal xi wħud li jaraw lil bnedmin ta’ kulturi u/jew kulur differenti bħala anqas minna, l-argument tagħhom huwa li dawn se jimponu fuqna l-kultura tagħhom. Lil dawn in-nies li jirraġunaw b’dan il-mod jiddispjacini għalihom, għaliex narahom li għadhom jgħixu taħt l-influwenza tal-kolonnja u li għadhom ma fehmux li minn jikseb l-indipendenza u l-ħelsien tal-ħsieb, ma jħossux mhedded minn kulturi u kulur tal-ġilda. Ma jħossux inferjuri u beżgħan li xi ħadd se jisraqlu ‘l mod kif jagħzel biex jgħix.
L-argument l-ieħor huwa li f’Malta m’għandniex spazju għalihom. Filwaqt li l-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni fil-Mediterran u n-nuqqas ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi speċjalment minn dawk Ewropej, tirrifletti n-nuqqas ta’ solidarjetà, empatija, rispett u għarfien, u tirrifletti fuq it-telfien tal-valuri Ewropej. Iżda jien nistaqsi, kif imbagħad mill-istatistika ppubblikata mill-Aġenzija Jobsplus li giet ippubblikata f’dawn il-jiem, insibu li wieħed minn kull erba' ħaddiema f’Malta huwa barrani. Kwazi 28% huma ħaddiema barranin sa Settembru 2021.
Jien nistaqsi lil dawk li jgħidu li m’għandniex spazju kif imbagħad aktar minn kwart tal-ħaddiema f’Malta huma barranin.
Allura din mhix diskriminazzjoni fl-aqwa tagħha kontra ċertu razzez ta’ bnedmin!
Allura dan mhux razziżmu?