Ivan Bartolo | L-għasir
Iċċedix għal bnedmin ġifa, lagħqa u bla għadam. M’għandhom xejn x’ joffru, ħlief kattiveriji mill-aktar dominanti, bl-iskop li jbaxxu lil min iħossu ta’ theddida.
It-taljani jħobbu jgħidu li l-inbid hu ħalib tal-anzjani - Il vino e’ latte dei vecchi.
F’kelma waħda, biex anzjan jibqa' jferfer u jibqa' tajjeb, jeħtieġ dik it-tazza nbid. Bħal donnu mingħajr tazza nbid, ħajtek tillimita ż-żmien. L-importanza tal-inbid kienet prijorità sa minn dejjem, filfatt lejn tmiem Awwissu, il-bdiewa jpoġġu kollox f’ġenb, biex jagħtu prijorità t-tagħsir tal-għeneb. Nistgħu ngħidu li minn tlugħ ix-xemx sa nżulha ħajjet il-bidwi ssir biss tagħsir tal-għeneb. Dan jibqa' sejjer sal-ewwel ġimgħa ta' Ottubru. Tista' tgħid li sa l-4 ta' Ottubru jkun sar it-tagħsir kollu tad-dwieli. Huwa żmien ta’ ħafna xogħol għal bidwi, qisek qed tgħid dulċier fiż-żmien il-Milied, jew infermier waqt xi pandemija. Għax wieħed jagħraf l-importanza tal-inbid sa minn dejjem. Fil-Filosofija Griega Platun jispirana bil-filosofija ta’ Socrates permezz tal-kapolavur The Bacchants. F’linja 279 Dionysus juri gratitudni għal min ħoloq il-qatra. Fil-Bibja, l-inbid jiddomina f’diversi stejjer, fosthom fit-tieġ f'Kana tal-Galilija u anki fl-aħħar Ċena fejn Kristu laqqa għall-aħħar darba lid-dixxippli tiegħu. Ma rridux ninsew l-alla Bacchus u anki lill-alla femminili Amphictyonis, li hija l-alla assoċċjata mal-inbid u l-ħbiberija.
F’pajjiżna nsibu madwar 430 ettaru dwieli, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma fertili għall-produzzjoni tal-inbid. Onestament minix espert fis-suġġett, imma naħseb li l-inbid portugiż huwa wieħed mill-aqwa. Għalkemm inħossni kburi, meta jkolli xi barranin għall-ikel id-dar u jfaħħruli l-inbid lokali. Mal-barranin nippreferi nippreżenta nbid lokali. Nerġa ngħid minix espert fis-suġġett, u forsi bħali int ukoll. Imma bħal bosta, meta tisma' bil-kelma "għasir” apparti l-inbid u d-dwieli, tiġik f’ moħħok esperjenza qarsa tal-ħajja, esperjenza li weġġatek u forsi ħallietlek marka jew anki trawma. Trawma ta’ bnedmin li ġew użati u mormija. Spiss nisimgħu il-frażi “Għasruni u remewni”. Tiġri dejjem, il-ħinkollu, kullimkien …. kull fejn hemm il-bnedmin.
Fil-ħajja jeżistu relazzjonijiet u ħbiberiji li akkost ta’ kollox jibqgħu dejjem hemm. Tagħmel x’tagħmel u tkun f’ liema pożizzjoni tkun, ma tagħmilx differenza għalihom. Tassew jissejħu ħbieb ġenwieni … teżor. Oħrajn jużawk u jarmuk skond il-konvenjenza. Tisma' mingħandhom biss meta jkollhom bżonn xi ħaġa.
Kun ixxurtjat/a li tgħaddi minn dawn it-tip ta’ esperjenzi. Għax minkejja kollox dawn huma esperjenzi li jnaddfuk minn relazzjonijiet velenużi u li jgħinuk tapprezza u tagħraf aħjar fejn jinsabu r-relazzjonijiet ġenwini. Ħossok kburi meta ndunajt u ħrabt kull meta ġejt stmat/a ta’ paljazza. Ħossok kburi li qbadt ir-riedni f’ idejk u ammettejt miegħek innifsek li “dan mhux aċċettabbli”. Ħossok kburi li minn wara li ndunajt bi spazju tossiku, ħrabt 'il bogħod minnu u mort fi spazju ieħor u ma ħallejt lil ħadd jistmak ta’ paljazza. Dak waħdu jagħtik stima u rispett lejk innifsek u allura ħaddieħor jinduna b’dan u tispiċċa stmata ferm aktar.
Meta tibqa' taċċetta kollox, meta tibqa' fid-diżrispett, tkun qed tiftaħ il-bibien għal bullies, biex dawn ikomplu jgħoddsuk l-isfel, jgħoddsuk fil-qiegħ. Imma ħossok kburi li ndunajt. Aħjar tard milli qatt. Nippreferi jum bilwieqfa milli għomri għarkubbtejja.
Aktar ma ddum sieket quddiem dawn it-talin, hemm iċ-ċans li aktar se tlaqqat fuq rasek. Aktar ma taħrabhom, aktar tnaqsilhom il-poter minn idejhom. Ħu azzjoni mmedjata, qabel ikun tard ħafna. Għax aktar mal-ferita tikber, aktar hemm iċ-ċans li ddum biex tfieq.
Iċċedix għal bnedmin ġifa, lagħqa u bla għadam. M’għandhom xejn x’ joffru, ħlief kattiveriji mill-aktar dominanti, bl-iskop li jbaxxu lil min iħossu ta’ theddida. Mill-banda l-oħra, ma tistax tinħabb ma’ Alla u max-Xitan. Min joqgħod fin-nofs, xi darba b’ xi mod jew ieħor jinqabad, u fin-nofs malajr tlaqqat daqqa ta’ karozza.
Meta tirrispetta lilek innifsek, hemm ċans aħjar li tinfetaħ għal min ġenwinament jirrispettak. Meta tibqa' fil-bullying, fit-theddid, fit-tgħajjir, tkun qed tiftaħ il-bibien u t-twieqi għal aktar vleġġeġ, għal aktar daqqiet biex tkompli tniżżel aktar lilek innifsek fil-ħofra.
Trid tieħu r-riedni f’idejk, tibża' għalik innifsek u tieħu passi. Il-ħajja mimlija sfidi, imma llum jew għada għad tasal fix-xatt li jismu “ĦELSIEN”.
Xi wħud kapaċi jiffurmaw dwarek ħsieb f’moħħom, liema ħsieb li int persuna negattiva, kburija bik innifsek, supperv, għajjura u elf nuqqas ieħor. Dan jagħmluh bil-għan li ma jħossuhomx ħatja, għal mod ħażin ta’ kif ġabu ruħhom miegħek tul iż-żmien.
Sfortunatament dil-marda qerrieda tal-kattiverija, tiġi wara li tkun laqqat l-agħar virus fid-dinja, dik tal-għira.
Madanakollu xtaqt nagħlaq dawn il-ħsibijiet b’nota li int u taqra dan l-artiklu għandek tibqa tiftakar.
Biex f’idejna jkollna ż-żejt taż-żebbuġa, iż-żebbuġa ġiet pressata. Iż-żrieragħ biex jikbru kellhom bżonn id-dlam. Djamant jifforma taħt pressa qawwija. L-istess l-inbid. Biex ikollok flixkun inbid f’ idejk, trid iżżomm f’ moħħok li l-għenba ġiet imfarrka u mkissra.
L-istess int. Meta tħossok pressat, fid-dlam, imfarrak, imkisser ….. int riesaq lejn trasformazzjoni, int riesaq li ssir persuna aħjar, aktar b’ saħħtek! Emmen dan il-proċess, emmen fik innifsek!