Owen Bonnici | 2023
Dak li nixtieq għas-sena 2023 ... li l-arti u l-kultura tkun iktar u iktar ta’ prijorità fl-aġenda nazzjonali bħala mutur u ċavetta ewlenija għat-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja.
Il-poplu Malti, bħal kull poplu ieħor fid-dinja, irid u ġustament jippretendi li jgħix f'ekonomija li tant tkun tajba li meta jitfa’ jdejh fil-but, isib il-flus.
Il-flus ma jaqgħux mis-sema, imma jiġu frott il-bżulija u l-impenn.
Il-poplu Malti hu poplu li ma jiddejjaqx jaħdem. Anzi. Meta ndur id-djar niltaqa’ ma’ nies li jgħiduli li għal ġobb wieħed, għandhom tnejn jew għandhom xi negozji ukoll u jaraw kif jagħmlu biex ikollhom iktar ħin biex jaħdmu, ikollhom iktar xogħol ħalli fl-aħħar tax-xahar il-familji jkollhom dħul aħjar.
Dan kollu mhux b’kapriċċ jew għall-vana glorja. Imma biex uliedhom jieħdu l-aqwa edukazzjoni, biex il-familja ma tkun nieqsa minn xejn. Din hi l-esperjenza tiegħi tal-maġġoranza assoluta tal-familji.
Dan il-poplu ħawtiel u bieżel għandu Gvern li hu daqstant ħawtiel u bieżel. L-impenn hu evidenti. Kull ħin tal-ġurnata u kull sekonda il-poplu jaf li hemm Prim Ministru, Robert Abela, u Gvern li kontinwament qed jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għall-poplu tagħna.
Li tieħu d-deċiżjonijiet mhux dejjem faċli għax tesponi ruħek għal kritika li kultant tkun ġenwina u kultant le. Imma d-deċiżjonijiet trid teħodhom. Li ma teħux deċiżjoni tkun l-agħar deċiżjoni li tista’ tieħu meta tkun qed tmexxi pajjiż.
Robert Abela għandu track record b’saħħtu ta’ deċiżjonijiet tajbin u fl-aħjar interess tal-familji u għall-protezzjoni tan-negozji u l-ħolqien tax-xogħol.
Biżżejjed niftakru fid-deċiżjonijiet ekonomiċi li ħa Robert Abela matul il-COVID-19 u issa hekk kif feġġet il-Gwerra instigata minn Putin u li skattat effetti inflazzjonarji mal-Ewropa kollha.
Quddiem dawn il-pressjonijiet Robert Abela baqa’ jiddeċiedi favur il-familji u n-negozji waqt li fl-istess nifs nara li l-finanzi ta’ pajjiżna jibqgħu fis-sod. Budget wara l-ieħor bqajna naraw iktar u iktar inċentivi favur il-familji, favur it-tkabbir tal-ekonomija u iktar u iktar għajnuniet lis-saffi kollha tas-soċjeta’.
Il-poplu jrid ukoll kwalita’ ta’ ħajja tajba. Kwalita’ ta’ ħajja tajba fejn jieħu gost u jrabbi lil uliedu b’mod san fl-isferi kollha tal-ħajja.
U hawnhekk jidħol argument sħiħ favur iktar spazji pubbliċi, ambjent aħjar u iktar nadif, binjiet isbaħ, iktar opportunitajiet fejn wieħed jirrilassa u jieħu pjaċir mal-għeżież tiegħu ... u iktar arti u kultura.
U f’dan il-kuntest nemmen li l-arti u l-kultura huma kruċjali u jridu jkomplu jittieħdu b’iktar serjetà, iktar ma pajjiżna jkompli jevolvi u jimxi ‘l quddiem.
Biex pajjiżna jilħaq livell tal-għixien aħjar li aħna lkoll irridu, bilfors irridu npoġġu l-arti u l-kultura fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu.
L-arti ġġib magħha kreattivita’ u ġid emozzjonali kbir, tant kbir li ġieli t-tobba jużawha bħala terapija.
Irridu nsaħħu l-ekosistema diġa’ b’saħħitha li hawn fis-settur. Dak li hu tajjeb irridu nkomplu nibnu fuqu u nsaħħuh. Dak li għadu ma sarx, irid isir. Il-gaps, l-iktar infrastrutturali iżda mhux biss, li għandna rridu nimlewhom. U rridu nkomplu naħdmu ... naħdmu kemm nifilħu ... nagħtu l-enerġija kollha tagħna. U niffukaw mhux f’dak li jifridna imma f’dak li jgħaqqadna.
Ġens li hu qrib l-arti u l-kultura hu ġens li jgawdi minn livell ta’ għixien aħjar u iktar f’saħħtu.
Dak li nixtieq għas-sena 2023 ... li l-arti u l-kultura tkun iktar u iktar ta’ prijorità fl-aġenda nazzjonali bħala mutur u ċavetta ewlenija għat-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja.
Naturalment fid-diskussjoni dwar it-tisħiħ tal-kwalita’ tal-ħajja, jidħlu fin-nofs suġġetti oħra importanti ... it-tagħlim għall-gost li titgħallem, l-isports u tant u tant oqsma oħra.
U la semmejt l-isports, bilfors irrid ngħid xi ħaġa dwar il-mewt tal-aqwa plejer ta’ kull żmien Pele’, li segwa bi ftit xhur il-mewt ta’ plejer ieħor ċelebri ... Maradona!
Waħda mill-iktar tweets li għoġbuni wara t-telfa ta’ Pele’ kienet waħda li ġġib lil Maradona u Pele’ lebsin il-flokk tal-Arġentina u l-Brażil, it-tnejn bin-numru 10, jilagħbu flimkien fis-smewwiet.
Dan għaliex Pelé, wara li Maradona kien miet, kien qal jew kiteb x’imkien li jixtieq li 'l quddiem hu u Maradona jilagħbu partita futbol fis-smewwiet.
Lanqas timmaġina d-dinja mingħajr Pele’ jew Maradona. Ir-rispett li kisbu dawn iż-żewġ sportivi meta daħlu fil-qlub tan-nies kollha tad-dinja hu tremend.
Verament kienu huma l-aqwa żewġ plejers? Possibbli b’dawn il-biljuni kollha ta’ ċittadini fid-dinja, ma hemmx tnejn oħra li kienu aħjar minnhom imma li ma kellhomx ix-xorti li jirnexxu jew li jsiru famużi?
Ma nafx. Imma l-idea li dawn iż-żewġ ġganti qegħdin ħdejn xulxin hija idea romantika, sabiħa u nixtieq nibqa’ nemminha!
Hemm żewġ proġetti infrastrutturali fil-kamp kulturali sbieħ ħafna li nħares ‘il quddiem biex fis-sena 2023 ninawguraw partijiet importanti mit-tlestija tagħhom.
L-ewwel proġett hu dak tal-MICAS, fejn bis-saħħa tiegħu eventwalment se naraw 13-il tomna ta’ art fil-Furjana tingħata lura lill-familji Maltin u Għawdxin u lit-turisti li jżuruna.
Sa qabel beda l-proġett dawn it-tlettax-il tomna kienu jew mitluqa jew mhux aċċessibbli.
Is-sena d-dieħla se niftħu l-galleriji ewlenin u iktar. Għaddej xogħol tajjeb ferm u impressjonanti frott il-ħidma tal-Kumitat ta’ tmexxija tal-MICAS u d-Direttorat tar-Restawr. Perswaz li hekk kif jinfetħu l-galleriji u n-nies jibdew igawdu mis-sbuħija ta’ dak li għandna lest għalihom se japprezzaw iktar kemm dan il-proġett hu wieħed sabiħ.
Bl-istess mod, il-proġett tal-Palazz tal-President / tal-Granmastru hu wieħed fantastiku. Ili minn mindu kont tifel nisma fuq il-bżonn li mill-Palazz jinħarġu l-uffiċini kollha, fl-aħħar inħareġ kulħadd, ingħataw postijiet alternattivi minn fejn jaħdmu u fl-istess nifs sar restawr liema bħalu fil-Palazz.
Ix-xogħol ma jispiċċa qatt f’dan il-Palazz u taħdem kemm taħdem dejjem jifdal x’isir. Iżda f’nofs is-sena d-dieħla se nkunu f’pożizzjoni li nerġgħu niftħu l-Palazz għall-viżitaturi u l-poplu jkun jista’ jgawdi lura l-Palazz kif kien fi żmien il-Kavallieri.
Dawn il-proġetti se jsir frott investimenti kbar ħafna, parti minnhom minn fondi Ewropej. Pero’ dawn huma kollha investimenti li nberkuhom għaliex il-ġid li se joħolqu huwa wieħed kbir ħafna.
Il-MICAS, pereżempju, se jitfa’ lil Malta fuq il-mappa tad-destinazzjoni tal-istallazzjonijiet artistiċi fir-Reġjun. Diġa’ nġiebu uħud mill-aqwa artisti minn madwar id-dinja biex jaħdmu mal-MICAS ... aħseb u ara kemm se ssir iktar ħidma hekk kif jiftħu l-galleriji, l-proġetti anċillari u mbagħad fis-snin li ġejjin il-fażijiet rimanenti.
Il-Palazz se jkun żgur sors ta’ kburija għal Heritage Malta u indubbjament is-sit numru wieħed mis-siti kollha li għandha f’idejha l-Aġenzija. Il-valur miżjud li se jġib lill-esperjenza kollha kemm hi tal-viżitaturi kollha li jiġu Malta hija xi ħaġa importanti ferm.
Nieħu l-opportunità li nawgura lil kulħadd sena ġdida mimlija riżq, hena u barka!