Robert Louis Fenech | L-interessi privati jheddu l-wirt komuni Malti
Il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji pubbliċi qiegħda toħnoq it-tradizzjonijiet Maltin
Dan l-aħħar smajna b’każ wara l-ieħor fejn l-interessi privati u tal-kummerċ rifsu fuq it-tradizzjonijiet Maltin. Waqt li kull każ kellu l-partikolaritajiet tiegħu, huwa ċar li kollha huma r-riżultat ta’ politika li tara biss il-flus, u tinsa’ li n-nies mhux biss flus jaraw.
Inzerta li dawn il-każijiet kollha kellhom x’jaqsmu mal-wirt kulturali marbut mal-Port il-Kbir. Il-Port il-Kbir minn dejjem kien post fejn it-taħlit bejn l-interessi governattivi, kummerċjali u kulturali wassal għal kunflitt, iżda dan l-aħħar assalt jaf jeqred darba għal dejjem l-entużjażmu għall-manifestazzjonijiet popolari tal-wirt kulturali Malti.
Is-sena l-oħra, segwaċi tar-regatta li ssir fil-Port il-Kbir kull Jum il-Ħelsien u Jum il-Vitorja spiċċaw imfixkla mill-cruise liners li għattewlhom il-veduta u waqqfuhom milli jgawdu spettaklu li ilu jsir mijiet ta’ snin.
Dis-sena, ftit qabel ir-regatta ta’ Jum il-Ħelsien, il-klabb ta’ Birżebbuġa ġie mgħarraf li se jitlef wieħed miż-żewġ imħażen li għandu u li juża bil-permess tal-Awtorità tal-Artijiet. U dan minħabba “opportunità għall-investiment”. Il-klabb saħaq li t-telfa ta’ dan l- ispazju fejn iżomm id-dgħajjes sejjer jikkaġunalu problemi kbar, sal-punt li ser ikun diffiċli għall-qaddiefa tiegħu li jkomplu jipprattikaw. Għalxejn.
Fil-bidu t’April imbagħad, kien imiss il-barklori, li ħarġu bi ħġarhom jipprotestaw kontra xogħlijiet ta’ tkabbir tat-terminal tal-cruise liners. Dawn ix-xogħlijiet se joħdulhom l-ispazju fejn jirkbu dawk li jużawhom, fil-maġġor parti turisti. Id-dgħajjes tal-pass li ilhom jitħaddmu minn żmien il-kavallieri tant jinsabu mhedda li bilfors ser ikollhom jieqfu joperaw.
Imbagħad fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, il-purċissjonijiet solenni tal-Belt Valletta sabu ma’ wiċċhom it-tfixkil tal-barijiet u r-ristoranti, li lanqas indenjaw ruħhom idaħħlu kollox u jitfu l-mużika għal nofs ta’ nhar. L-uniku skiet kien ġej mill-awtoritajiet, li kollha farfru r-responsabbiltà. Kellhom ikunu r-residenti u d-dilettanti li ħolqu petizzjoni li ġiegħlet lill-kunsill lokali joħroġ by-law biex dan ma jerġax iseħħ.
Tajjeb niftakru l-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa riklamati barra minn xtutna biex jiġbdu lit-turisti. M’hemm xejn ħażin f’dan iżda lanqas ma rridu nħallu li dawn it-tradizzjonijiet jindifnu taħt il-kummerċ li jinħoloq b’dawn it-turisti.
Hemm element komuni f’dak li qed iħabbtu wiċċhom miegħu dawn il-komunitajiet differenti.
Huwa l-istess element li rajna u għadna naraw f’Kemmuna u m’ilux, fil-Balluta, fejn interessi privati riedu jieħdu parti mill-bajja biex jibnu moll għad-dgħajjes tagħhom.
X’nistgħu nitgħallmu minn dawn iż-żewġ każijiet tal-aħħar?
L-ewwelnett, li hemm bżonn ta’ solidarjetà bejn il-komunitajiet differenti b’interessi komuni. Sakemm kulħadd jiġġieled waħdu l-għanqbuta qawwija li hemm bejn il-gvern u l-privat, il-ġlieda diffiċli tintrebaħ. Fil-Balluta, kienet alleanza ta’ tliet kunsilli lokali, residenti u attivisti li rnexxielha tikseb ir-riżultat mixtieq.
It-tieni, li fejn ma tasalx bil-kelma t-tajba, ġieli hemm bżonn tieħu r-riedni f’idejk. Meta morna nneħħu d-deckchairs minn Kemmuna, ħarġet Malta kollha warajna. Anki fil-Balluta, meta bdew ix-xogħlijiet fuq il-moll b’mod illegali, kienu l-attivisti u r-residenti li għal ġimgħa sħiħa marru jwaqqfuhom. Irridu nqumu ftit mir-raqda u nuru li le, l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk.
Madanakollu, dawn kollha soluzzjonijiet temporanji jekk m’aħniex se nneħħu t-tkabbir ekonomiku minn fuq l-altar li nitolbu quddiemu. Sakemm nibqgħu naduraw lil Mamnon, kull alla ieħor, kull delizzju, kull tradizzjoni, kull ħajja, jibqgħu sekondarji u saħansitra mhedda.
Il-Moviment Graffitti la huwa involut fir-regatta, la mal-barklori u lanqas fil-festi. Però nagħrfu li dik li jhedded lilhom huwa l-istess qawwa li tirkeb fuq kollox – il-kilba għall-flus.
Waqt li aħna niffukaw l-enerġiji tagħna fuq it-tnaqqir tal-art u l-ispazji pubbliċi mill-privat, dan nagħmluh dejjem b’rabta mhux biss mal-kunsiderazzjonijiet ambjentali, imma wkoll dawk soċjali. F’pajjiż fejn l-ispazju li fih il-komunitajiet jistgħu jesprimu lilhom infushom dejjem jonqos, irridu nabżu għal xulxin.
Is-soċjetà Maltija llum hija waħda fejn is-sens ta’ atomiżmu u individwaliżmu qiegħed dejjem jikber, madanakollu s-sens ta’ komunità għadu jinħass b’mod tanġibbli.
Imma l-komunità, b’saħħitha kemm hi b’saħħitha, xorta waħda ma tkampax meta tiġi wiċċ imb’wiċċ mal-interess li joħnoq kull ħaġ’oħra – dak tal-flus.
Ħaġa waħda biss tista’ tilqa’ kontra dan l-assedju fuq kull ma hu pubbliku – is-solidarjetà.
Għandna bżonn nitgħallmu li dak li jaffettwa lil wieħed jew waħda minna, jaffettwana lkoll. Sakemm kulħadd jibqa’ jaqdef għal rasu, it-telfa ser tkun tagħna lkoll.
Hawnhekk tajjeb li nsemmi x-xogħol siewi li tagħmel il-Fondazzjoni għall-Benessri tas-Soċjetà, li ħarġet index li jmur oltre mill-qies tal-PDG sabiex tiżen fejn sejrin bħala pajjiż.
Din l-inizjattiva għandha titwessà u tinħadem mill-gvern stess, sabiex Malta ma tibqax skjava tal-flus.
Sakemm ma nieqfux u naħsbu sew fuq x’inhu veru tajjeb għalina u għal uliedna, dak kollu li ngħożżu ser jibqa’ mhedded.