It-tim nazzjonali, Michele Marcolini, l-MFA, il-passat, il-preżent u l-futur
Mark attard janalizza t-tim tal-futbol Malti, l-MFA u l-amministraturi fil-passat, preżent u l-futur
Ftit sigħat wara li Malta temmet l-impenji tagħha fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-futbol, huma ħafna dawk il-‘professuri’ li joħorġu bi ħġarhom jitkellmu fuq x’sar, x’kellu jsir u x’għandu jsir fil-futur biex intejbu l-prestazzjonijiet u r-riżultati.
Il-media soċjali saret pjattaforma b’saħħitha ħafna biex issebbaħ u tkerraħ l-istampa tal-persuni innoċenti, aħseb u ara ta’ dawk li jokkupaw karigi pubbliċi u li aktar minn hekk, għandhom il-poter jiddeċiedu minn flus il-poplu.
Iżda d-differenza bejn dawn il-persuni, Michele Marcolini u kull min jaħdem mal-Malta Football Association hija waħda: li l-flus li bihom jitħallsu dawn il-persuni mhumiex flus li ġejjin mit-taxxi tal-poplu, iżda flus li l-MFA ġġenerat matul is-snin mid-dħul tagħha u flus li jingħataw lil kull Assoċjazzjoni fid-dinja mill-UEFA u l-FIFA.
Ilkoll imdejqin bl-aħħar riżultati u prestazzjonijiet. Iżda s-soluzzjoni la hi li jitneħħa Marcolini u wisq inqas li jitneħħew l-amministraturi tal-MFA. M’għandix l-iċken dubju f’moħħi li l-għażla fuq Marcolini waqgħet biex l-MFA tiffranka balla liri billi taħtar kowċ ta’ aktar profil, esperjenza u valur. Kienu jafu li l-grupp li ttellgħet fih Malta kien iebes azzar u kienu jafu wkoll li faċli aktar biex ħmar jitla’ m’arblu milli Malta takkwista xi punt, jew saħansitra tiskurja gowl. Fil-fatt skurjajna wieħed biss u b’miraklu!
Min se jiġi jekk jitneħħa Marcolini?
Jew xi ħadd tal-istess livell tiegħu, jew xi ħadd ta’ inqas livell, jew xi ħadd ta’ aktar livell li jfisser aktar spejjeż fuq l-Assoċjazzjoni. Iżda ejjew inkunu onesti magħna nfusna. Anki li kieku l-MFA ħatret lil Pep Guardiola fil-kariga, ir-riżultati li ġibna f’dan il-grupp ftit li xejn kienu se jinbidlu. Il-grupp kien l-aktar wieħed ta’ attrazzjoni possibbli bit-Taljani u l-Ingliżi fih, iżda minħabba dan ħallasna l-prezz tal-prestazzjonijiet.
It-test vera ta’ Marcolini għandu jkun fil-partiti li Malta trid tilgħab fil-UEFA Nations League. Hemmhekk irridu naraw jekk il-kowċ tat-tim nazzjonali preżenti għamilx il-progress mixtieq jew le. Hemmhekk inkunu nistgħu nagħtu opinjoni għandux jibqa’ jew jitlaq. U ma rridux ninsew li l-aħħar edizzjoni tal-istess kompetizzjoni ġejna verament ta’ qabel tal-aħħar fl-Ewropa. Għaddejna biss lil San Marino, post żgħir fl-Italja li hu iżgħar minn ħafna rħula Maltin. Iż-żewġ partiti li kellna nirbħu kontra l-Estonja fallejniehom ukoll. U l-kowċ dak iż-żmien kien dak li llum hemm min qed jimbotta kampanja favurih biex iġibu lura, bir-riskji kollha.
Xi jrid isir biex intellgħu l-livell?
Inutli nibqgħu nsemmgħu t-tfal tan-nurseries u l-barranin fil-kampjonati tagħna li ħadulhom posthom. Il-problema mhijiex dik. Imbilli tifel tan-nursery jingħata ċans jilgħab mat-tim tal-kbar, xorta qed jilgħab fil-kampjonati Maltin. Xorta qed jilgħab fil-livell li għandna. Xorta qed jilgħab ‘walking football’ u xorta qed jilgħab kontra plejers li bejn wieħed u ieħor għandhom l-istess livell tiegħu.
Is-soluzzjoni biex intellgħu l-livell tal-plejers tagħna hi waħda biss u ma narax oħra. Morru ilagħbu barra l-pajjiż f’kampjonati ta’ aktar livell! M’hemmx għalfejn ikunu l-Premiership Ingliż jew is-Serie A, imma jkun ħafna aħjar kieku jmorru f’kampjonat ta’ pajjiżi xi ftit ikbar minn Malta. U kif se jsir dan? Dik hi l-ikbar problema u konvint li l-uniku triq għall-MFA biex ikollna tim nazzjonali aħjar hija din. Irid jintlaħaq ftehim ma’ pajjiżi u klabbs barranin biex jaċċettaw plejers Maltin magħhom, anki jekk għall-ewwel ftit żmien ma jħallsuhomx. Kif se tidħol f’dan kollu l-MFA? Għandha tidħol billi tilħaq ftehim mal-klabbs lokali, kemm verbali u anki finanzjarju biex it-tfal tagħna jingħataw dan l-inċentiv u l-kuraġġ li jagħmluha barra minn pajjiżna. Nemmen li anki l-Gvern jista’ jgħin fi proġett bħal dan u mhux biss finanzjarjament. Imbilli tilgħab fil-kampjonati Maltin m’aħna qatt se ngħollu l-livell u nsiru kompetittivi fl-isfera internazzjonali. Biex għawwiem jitgħallem jgħum tajjeb, ma jistax jaqbeż ġol-banju tad-dar, iżda jrid isib baħar miftuħ u jekk jista’ jkun ma jkunx fis-sabiħ tas-sajf.
Qabel mal-MFA u l-klabbs jirrealizzaw dan kollu, se nibqgħu hekk. Ili fil-futbol Malti mindu kelli 17-il sena. Total ta’ 27 sena. Ili nisma’ l-istess diskorsi u qrid 27 sena u aktar. Is-soluzzjoni donnu ħadd għadu ma rrealizzaha. Biex jitjieb it-tim nazzjonali jrid ikollok plejers ta’ livell li jorqdu u jqumu bil-ballun f’saqajhom, jitħarrġu professjonalment kuljum, u jilagħbu partiti ta’ livell darba jew darbtejn fil-ġimgħa. Imbilli tilgħab fil-Premier Malti, meta tiġi fuq livell nazzjonali, se tieħu biss tal-Premier Malti.
Filwaqt li nikteb dan kollu, wieħed ma jistax jitfa’ t-tort tad-disfatti internazzjonali li kellna fl-aħħar snin fuq il-plejers nazzjonali. Il-plejers nazzjonali tagħna dejjem taw il-100%. Jien nista’ nixhed dan ħafna aktar minn kulħadd għax għamilt ftit tas-snin magħhom kuljum u esperjenzajt dan kollu. Ħadd ma jieħu pjaċir jilgħab futbol internazzjonali fejn qed tarah id-dinja kollha u jaqa’ għaċ-ċajt. U meta kien jiġri dan kont inħoss dwejjaq kbar personali u anki għalihom għax naf kemm jaħdmu u jieħdu l-affarijiet bis-serjetà. Imma la dak hu l-livell li għandna bħala nazzjonal, ma jista’ jsir xejn sakemm il-plejers tagħna li tilgħin ma jibdewx jilagħbu futbol ta’ livell. Is-soluzzjoni għal dan mhijiex Malta.
L-MFA u l-amministraturi
L-MFA titmexxa mill-amministraturi li jaħtru l-klabbs. Issir elezzjoni kull erba’ snin. Hawnhekk, il-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri jitfgħu l-vot tagħhom u jiddeċiedu f’każ li jkun hemm xi kontestazzjoni għal xi kariga.
Qed nikteb dan kollu biex wieħed jagħmel din id-differenza ċara bejn elezzjoni ġenerali u elezzjoni ta’ xi assoċjazzjoni jew każin tar-raħal. Filwaqt li f’elezzjoni ġenerali għandek eluf kbar ta’ voti li jistgħu jiċċaqalqu minn naħa għal oħra, f’elezzjoni bħal dik tal-MFA jew se tivvota kandidat jew se tivvota lill-ieħor. Rari niftakar xi vot imħassar jew mhux mixħut f’elezzjoni għall-kariga ta’ President tal-MFA.
Huma l-klabbs biss li jiddeċiedu kif, kemm, fejn u meta l-MFA tonfoq il-flus tagħha. U jagħmlu dan kull meta jkun wasal iż-żmien ta’ din l-elezzjoni billi jaħtru kandidat u mhux ieħor. Meta l-klabbs ikunu ddejqu bl-istess persuni, jistgħu jimbuttaw il-persuni tagħhom u jibdluhom ma’ dawk preżenti.
Personalment inħoss li dan, fl-MFA, għalissa mhu se jsir żgur. L-ewwel raġuni hija li nara li l-President Bjorn Vassallo u t-tim tiegħu għad għandhom is-saħħa neċessarja tal-50% u wieħed. It-tieni raġuni hi li bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu, fil-preżent diffiċli nara kandidat denju li jista’ jieħu s-siġġu ta’ Bjorn Vassallo. Ħafna jparlaw imma s’issa għadu ħadd ma semma kandidat denju għal din il-kariga.
Biss, Vassallo għandu joqgħod ħafna attent kif jitkellem. Kultant persuni f’karigi għolja ma jindunawx li qed jidhru arroganti b’ċerti dikjarazzjonijiet li jagħmlu. Il-każ tad-dikjarazzjoni li għamel “li kulħadd għandu jżomm postu” hu spettakolari fin-negattiv. Jurik biċ-ċar li qisu xtara l-MFA u li hija proprjetà tiegħu. Vassallo qatt ma kien l-aktar persuna umli fil-mod kif jitkellem u għamel biżibilju żbalji bħal dawn fl-aħħar snin. Xi darba nikteb ukoll kif hu u sieħbu ħadu ċerti deċiżjonijiet fit-tmien snin li għamilt naħdem magħhom fit-tielet sular. Ibqgħu ċerti li għandi fuqhom faxxikli sħaħ. Stejjer tal-biża’, waħda ikbar minn oħra.
Ngħid dan kollu minkejja li jien tal-opinjoni li Vassallo jibqa’ l-aqwa amministratur li qatt niftakar fl-MFA. Nikkumparah mal-Eks President Joe Mifsud, sakemm mhux aħjar. Kemm ilu fl-MFA hu, saru qabżiet kbar professjonali, kemm fl-assi, fl-infrastruttura, fl-organizzazzjoni tal-kampjonati u tat-tim nazzjonali, u anki fil-mod kif l-Assoċjazzjoni tħares lejn responsabbiltajiet li permezz tal-futbol, tgħin lil dawk fil-bżonn.
Lil Vassallo hawn min iqisu ‘ġgant’ u hawn min iqisu ‘mostru’. Jien inqisu l-ġgant u l-mostru. Tista’ tgħid u tiddeskrivih b’ħafna aġġettivi tajbin u ħżiena iżda ibqgħu ċerti li l-kontijiet u l-kalkoli tiegħu jaf jagħmilhom sew ħafna. Diffiċli biex xi darba narah jitlef elezzjoni. Forsi diġà hawn min qed jaħseb f’dan. Jien għandi dubji kbar kemm din se sseħħ, tal-inqas għas-snin li ġejjin.