Opinjoni | Bomba nukleari fuq Gaża – is-soluzzjoni finali

Colin Apap jinsab irribjat għal Iżrael li qed jipproponi s-soluzzjoni finali għall-Gwerra f’Gaża: li jitfgħu BOMBA NUKLEARI fuq Gaża u jeqirdu lil kulħadd

Ministru tal-Gvern Iżraeljan stqarr pubblikament li s-soluzzjoni biex jinqerdu l-Palestinjani hija li Iżrael jitfgħulhom bomba nukleari u jeħilsu minnhom kollha kollha. Il-Ħadd li għadda Netanyahu, il-Prim Ministru tal-Iżrael, issospenda l-Ministru tal-Gvern tiegħu AMIHAY ELIYAHU, milli jibqa’ jattendi – “sakemm jgħidlu” – il-laqgħat tal-Kabinett tal-Gwerra tal-Gvern tiegħu. Dal-Gvern hu magħmul mill-estremisti tal-lemin fil-politika Iżraeljana.  

Fil-fatt, il-Gvern ta’ Netanyahu diġà għamilha pubblika li l-aġenda politika ta’ Iżrael hija li hekk kif “tispiċċa” l-Gwerra mal-Ħamas, Iżrael innifsu ser ikompli jmexxi Gaża. Addijo Stat Palestinjan u addijo l-idea-propaganda ta’ 50 sena ta’ Żewġ Stati! Biden innifsu, imbarazzat, qed jgħid pubblikament li ma jaqbilx ma’ din l-okkupazzjoni mill-ġdid ta’ Gaża … imma xorta jibqa’ jibgħatlu l-bombi biex jeqirdu Gaża! Il-kelma ta’ Biden qed taqa’ fuq widnejn torox f’Iżrael għax lanqas biss jagħtu kasu biex jagħtu pawsa mill-bombi biex jingħataw l-għajnuniet umanitarji.  

Anki l-famuża “Iron Dome defense system” tħabbar li qed taħdem ħażin. Rapport ivverifikat minn Al Jazeera juri video minn Quds News Network kif din id-difiża Iżraeljana falliet.  

Jiena naħseb li hekk kif “tispiċċa” l-Gwerra ta’ Gaża, kemm Netanyahu, kif ukoll il-Gvern estrem tiegħu, il-Poplu Lhudi stess itajruh minn hemm u titkompla l-ġlieda tiegħu kontra l-Ġudikatura Lhudija. Qed isiru wisq atroċitajiet u qtil f’isem il-vendetta biex nies li ġabu tant tbatija fuq il-Lhud stess jibqgħu mexjin ’il quddiem. Taħt imneħirhom stess ittieħdu l-ostaġġi, ħolqu kultura ta’ impunità, taw il-lala lis-settlers joqtlu, jisirqu u jippersegwitaw lill-Palestinjani ċittadini Lhud stess! Mhux f’Gaża biss – anki fil-West Bank li mhux immexxi mill-Ħamas! 

Fil-videos li Times of Israel u Haaretz (żewġ ġurnali Iżraeljani) juru, naraw kif kif qed jiġu trattati l-ħaddiema Palestinjani – ifakkruni fil-ħruxijiet li kienu jwettqu s-suldati Amerikani fl-Iraq: ritratti meħuda mill-Amerikani stess biex jumiljaw lill-irġiel: ineżżgħuhom għarwenin, ipoġġuhom fuq xulxin forma ta’ piramida u bil-klieb madwarhom! Pax Americana! L-istess qed jagħmlu s-settlers Iżraeljani lill-Palestinjani: ineżżgħuhom, jgħattulhom għajnejhom u jġegħluhom jiżfnu biex jiżżuffjettaw bihom, bħalma l-Lhud ta’ żmien Kristu kienu jagħmlulu! 

Dan il-qattiel tal-Palestina, Eliyahu Amihay, fuq radju Iżraeljan stqarr li hu jaqbel mas-soluzzjoni nukleari kontra l-Palestinjani. Kellu jammetti pubblikament li Iżrael stess għandu l-bombi nukleari. Normalment kulħadd jaf b’dan – imma Iżrael minn dejjem ċaħad li għandu l-bombi nukleari. Dan ifisser li l-Ministru tal-Kabinett tal-Gwerra Iżraeljan qed jammetti pubblikament li kienu Iżrael infushom l-ewwel li daħħlu l-bombi nukleari fir-reġjun.  

Il-“Federation of American Scientists” jistmaw li Iżrael għandu madwar 90 bomba nukleari. Xi tgħid dwar dan l-International Atomic Energy Agency? U x’sar minnhom l-ispetturi nukleari internazzjonali? U l-Kunsill tas-Sigurtà li Malta għandha sehem fih bħalissa x’ser jgħid? U l-valuri tal-Unjoni Ewropea fejnhom? Kif tista’ taċċetta dawn id-double-standards li jtellfu l-kredibbiltà ta’ dawn l-istituzzjonijiet? 

 

Is-seba’ kmandament: la toqtolx! 

Roberta Metsola u Ursula von der Leyen għandhom idejhom imċappsa bid-demm tat-trabi Palestinjani li twieldu prematuri u poġġewhom fl-inkubaturi biex isalvawhom – u qed iħalluhom imutu bil-mod il-mod għax Iżrael qatgħalhom il-fuel biex l-isptarijiet iħaddmu l-magni tal-emerġenza biex isalvawhom. Is-silenzju tagħhom qed jilħaq lil Alla li jisma’ l-karba tal-innoċenti. Imma dawn is-sinjuri jgħidu li għandhom valuri Ewropej – u jitkellmu biss meta jaqblilhom. Iwasslu l-messaġġ li fid-dinja hawn żewġ tipi ta’ bnedmin – dawk bnedmin Iżraeljani u dawk bhejjem Palestinjani! 

Ara Guterres, l-emir tal-Qatar u r-reġina tal-Ġordan, ir-Reġina Rania, ma marrux jieħdu b’idejn id-007 Iżraeljan, jippritkaw il-“valuri Ewropej” imma tkellmu ċar u tond. L-intervista li r-Reġina Rania għamlet mal-ġurnalista tas-CNN Christianne Amanpour hi ħafna ħafna differenti minn dik ta’ Metsola u Von der Leyen. 

 

“Gaża qed issir iċ-Ċimiterju tat-Tfal” stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres. U ma waqafx hawn. Talab li jkun hemm waqfien immedjat tal-ġlied u l-qtil f’Gaża. Roberta Metsola u Ursula Von der Leyen messhom isiru d-deffiena uffiċjali taċ-ĊIMITERJU TAT-TFAL. 

  

Iżjed minn 6,000 persuna ġew maqtula minn Iżrael mindu “bdiet” il-Gwerra bejn Iżrael u l-Palestina. Dil-gwerra ma “bdietx” issa imma ilha sejra minn ħafna qabel – minn meta 700,000 Palestinjan (iżjed mill-popolazzjoni kollha ta’ Malta u Għawdex) f’dik imsejħa Nakba, il-katastrofi – il-qerda sistematika tal-Palestinjani li tkeċċew għal dejjem minn arthom u li issa l-Prim Ministru Iżraeljan qed jgħid pubblikament li ser jerġa’ jokkupa Gaża biex iżommha taħt il-kontroll ta’ Iżrael.  

U l-istorja tkompli … 

  

 

 

More in Socjali