NOT IN MY NAME
Trid tkun taf għaliex ħafna mill-Maltin jitilfu l-fiduċja fil-politiċi tagħna? Jien wieħed minnhom. U ngħid għaliex pubblikament
Li tieħu b’idejn il-militar Iżraeljan li taf li ftit wara ser jattakka sptarijiet, nisa, tfal bħala collateral damage u tgħid li qed tagħmlu f’ismi u f’isem il-Maltin u f’isem il-miljuni tal-Ewropa – dan mhux aċċettabbli. Ħu b’idejn minn trid. Imma mhux f’ismi.
Li tikkundanna u tqajjem kuxjenza pubblika dwar qtil tal-innoċenti, kif żgħażagħ jiġu maqtula kiesaħ u biered waqt party, imma fl-istess ħin tagħlaq għajnejk it-tnejn u widnejk it-tnejn bħax-xadini u tagħmel dan f’ismi u f’isimna – dan LE!
Li toħroġ stqarrijiet uffiċjali f’isem l-Unjoni Ewropea u tiddenunzja dak li jagħmlu r-Russi fl-Ukrajna u ġustament tistqarr li huwa delitt tal-gwerra li żżomm poplu sħiħ milli jkollu ilma biex jgħix, tneħħilu l-elettriku u tkissirlu l-infrastruttura fejn tista’ tgħix int u l-familja tiegħek, dan kollu tajjeb li tqajjem kuxjenza u tgħidilna bih. Bħalma għedtilna kemm-il darba. U tagħmel sew.
Kont naħseb li nammirak għax dak li qed tgħid ifisser li qed toħroġ għonqok biex tiddefendi l-ġustizzja. Bla biża’. Proset! Sakemm indunajt li l-pożizzjoni tiegħek, tagħkom, mhix biex tiddefendi l-ġustizzja imma biex tużaha biex issawwat naħa waħda biss.
U hemm titlef il-kredibbiltà.
Anki jekk tkun qed tgħid il-verità. Ma nemmnekx iżjed!
Ursula von den Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea u Roberta Metsola, President tal-Parlament Ewropew marru jieħdu b’idejn il-Kapijiet tas-Suldati Iżraeljani propju meta l-aħbarijiet kollha kienu mimlija b’dak li qed jinħadem dwar il-Palestina u l-poplu Palestinjan. Qalulna: “li taqta’ l-provista tal-ilma, l-elettriku, u dak kollu biex issaħħan speċjalment meta riesqa x-xitwa fejn ibatu rġiel, nisa u tfal hija “pure terror”.
Sa Ursula tista’ tgħidilna għaliex dan hu veru fejn jidħlu r-Russi fl-Ukrajna u ma lissintx l-anqas kelma waħda fejn l-istess atroċitajiet qed jagħmluhom ta’ Iżrael f’Gaza? Għaliex iżżommu ħalqkom magħluq quddiem ħlejjaq t’Alla li jinsabu fl-istess disperazzjoni ta’ terrur, ilhom hekk għexieren ta’ snin, jgħixu f’ħabs fejn ma jistgħux joħorġu? Tgħid dawn huma wlied ta’ xi alla inferjuri? Children of a Lesser God?
Għalhekk, minkejja s-salarji u l-esperti mħallsa madwarkom, m’għadkomx tiġu emmnuti.
U bħalma taf, fil-pożizzjoni tagħkom, frott ta’ tant kompromessi politiċi, minn taħt u fil-beraħ, meta titlef il-kredibbiltà, anki meta tgħid il-verità, ħadd ma jibqa’ jemmnek.
Għamlu sew il-Moviment Graffitti li akkużaw lil Roberta Metsola u lil Ursula von den Leyen li għandkom idejkom imċappsa bid-demm.
Uħud fl-Ewropa riedu jwaqqfu l-għajnuna li qed tingħata lill-ifqar fost il-fqar ta’ Gaza. L-isptarijiet imballati bil-feruti u l-mejtin ma fadlilhomx iktar biex isalvaw il-ħajja ta’ tfal, trabi u ommijiet u missirijiet. X’ser tgħidu?
Tgħid li twaħħal f’ħaddieħor li toqtol 800 Palestinjan fi sptar u tkisser u toqtol kongregazzjoni sħiħa ġo Knisja antika Ortodossa, dawn jaqblu mal-“valuri Ewropej”?
L-ipokrezija ttellifkom il-kredibbiltà.
“Collatoral damage”.
Paċenzja.
Tort tal-Ħamas.
Din gwerra u dawn l-atroċitajiet tistenniehom miż-żewġ naħat!
Ipokrezija.
Dil-gwerra mhix se tieqaf hawn. Se tkompli. B’riperkussjonijiet mondjali – ir-Russja u ċ-Ċina mhux se jibqgħu jħarsu.
TLIET STEJJER
-
Mela darba kien hemm villaġġ fl-Amerika ta’ Fuq fejn kienet ilha ma tagħmel xita x-xhur. Kien hemm nixfa kbira u kollox beda jmut. Il-Kap tat-tribù talab lix-Shaman, il-qassis u liż-żeffiena nattivi Amerikani biex jibdew “Iż-Żifna għax-Xita”. Din hija ċerimonja taż-żfin biex isejħu l-ispirti tal-allat li jnaddfu l-arja permezz tax-xita. Bdew minn filgħodu kmieni jiżfnu u jiżfnu, u l-villaġġ kollu ngħaqad flimkien biex jitolbu għax-xita. Kulħadd kien hemm. Kulħadd. Imma tifel żgħir biss ġab miegħu umbrella għax-xita.
Din hija FIDI.
-
Għadha kif twieldet MIKAELA. Bilkemm għadha kif għalqet sena. Imma meta missierha, Nigel, jgħolliha u jitfagħha fl-għoli ma tibżax, anzi tibda tidħaq u titbissem għax taf li missierha qiegħed hemm biex jilqagħha. Meta ngħammed tarbija ngħolliha fl-għoli biex nilqgħuha fil-komunità. Kulħadd jibda jċapċap u jifraħ. Jafu li hemm min se jilqagħha u jiżgura li ma taqax.
Din hija FIDUĊJA.
-
Qabel ma mmur norqod m’għandi ebda garanzija li l-għada ser inqum qawwi u sħiħ. Imma xorta waħda nagħmel l-alarm biex inqum l-għada filgħodu.
Din hija TAMA.
Ittra miftuħa lil eks ħabib, b’rispett
Għażiż eks ħabib,
Kien hemm żmien meta stajt insejjaħlek “ħabib”. Imma llum ma nistax insejjaħlek b’dan l-isem li jfakkarni fl-iktar mumenti sbieħ ta’ ħajti, ta’ sinċerità, solidarjetà f’nofs it-tempesti u d-dmugħ tal-ħajja, ta’ spalla fuq xiex immidd rasi tqila, kull meta kont se negħreq u tajtni jdejk u salvajtni. Illum, kontra lbieraħ, tfakkarni fil-Bewsa tal-Ħabib fl-Ort tal-Ġetsemani. Mort hemm u rajtek.
Għidtli li anki inti taf xi tfisser back-stabbing. Allura tifhem iktar il-weġgħat tiegħi li kkawżajtli. Sinċerament, kont naħseb il-kuntrarju. Għalhekk inħossni deluż u użat; bħal lumija li tagħsarha u tarmiha. Insibha diffiċli nemmen il-paroli ta’ solidarjetà, nibżgħu għan-nies li jaqgħu f’dipressjoni meta aħna stess inkunu l-kawża.
Inħares madwari u nara purċissjoni ta’ nies b’rashom baxxa. Ippruvaw jagħmew bit-titli u l-ilbies aħmar – u indunaw li huma biss frugħa tal-frugħat. Tlellix. Li jgħaddi. Irnexxielek tagħlqilhom ħalqhom. Jibżgħu jiftħu ħalqhom u jitkellmu biss minn taħt l-ilsien biex ħadd ma jirrapportahom. Biex ma jkunux imwarrba. Jippreferu jgħixu fil-kwiet u l-paċi milli jieqfu l-poter. Nafhom. B’isimhom u kunjomhom. Jgħiduli aħjar hekk. Imwarrba. Jafu li sħabhom, tal-istess età u l-istess klassi, sabu min jgħinhom biex ikunu bnedmin sħaħ. Imma huma le. Mhumiex mal-privileġġati. Mal-magħżulin. Quddiem il-blue-eyed boys jagħlqu ħalqhom, iżommu posthom, għax jafu mill-esperjenza tagħhom stess li jħallsu l-prezz.
Meta fil-Knisja, fil-partiti politiċi ikun hemm min jagħżel li jżomm ħalqu magħluq minħabba l-biża’, ifisser li dik l-istituzzjoni saret korrotta. U ż-żmien u l-figuri jagħtu raġun lill-profeti mwarrba u ppersegwitati.