Michael Stivala | L-industrija tal-iżvilupp tal-propjetà u tat-turiżmu f’Malta
Michael Stivala huwa President tal-Malta Developers Association
Malta huwa pajjiż mimli storja u kultura. Parti kbira mill-istorja ta’ pajjiżna li ra tibdil enormi tul iż-żminijiet, tinvolvi s-settur tat-turiżmu, u dak tal-iżvilupp. Dawn iż-żewġ setturi mhux talli għandhom rwol kritiku fl-ekonomija ta’ Malta, imma l-importanza tagħhom fl-aspett kulturali ta’ pajjiżna hija wkoll waħda enormi kif ukoll essenzjali.
L-Iżvilupp tal-Propjetà
L-industrija tal-iżvilupp tal-propjetà f’Malta huwa suġġett kontroversjali li peress li jaffettwa lil diversi persuni, dan jiġi msemmi ta’ spiss. Bħala żviluppatur Malti, jiena nemmen illi din l-industrija tal-iżvilupp u tal-kostruzzjoni tagħti kontribut qawwi ġewwa pajjiżna billi tkompli tkabbar u ssaħħaħ l-ekonomija ta’ Malta. Dan is-settur dejjem kien wieħed popolari fost il-Maltin u l-Għawdxin, peress li ħafna nies jarawh bħala investiment sigur li jiġġenera tkabbir fil-valur ekonomiku. Għalkemm jiena naqbel mat-twemmin illi l-propjetà f’Malta hija investiment tajjeb, xorta waħda nemmen illi huwa ferm importanti illi l-Gvern ikompli jtejjeb il-proċessi, ir-regolamenti, u l-liġijiet neċessarji, sabiex dan is-settur ikun jista’ jkompli jikber u jipproduċi xogħol mill-aqwa u ta’ kwalità għolja.
Bħala l-President tal-Malta Development Association, jien nista’ ngħid bla dubju illi llum il-ġurnata, ħafna żviluppaturi tal-propjetà qed jaffaċċjaw diversi sfidi. Fost l-ikbar problemi nsibu l-kwistjoni tal-permessi, u dik li għandha x’taqsam mal-proċessi ta’ approvazzjoni mill-awtoritajiet tal-Gvern. Jiena nemmen illi sabiex dawn il-problemi jonqsu, hemm bżonn pjan fit-tul li jinvolvi t-tnaqqis tal-burokrazija żejda. Il-burokrazija żejda mhux qed taffettwa lill-iżviluppaturi biss, imma peress li din qed twassal għal dewmien u spejjeż żejda, fl-aħħar nett, qed jispiċċa jbati l-konsumatur Malti u Għawdxi peress li dawn il-proċessi twal qed jgħollu l-prezzijiet tal-propjetà. Ovvjament b’dan li qed ngħid ma rridx infisser illi jiena nemmen li l-iżviluppaturi għandhom jitħallew jagħmlu dak li jridu, imma illi jitneħħew ċerti proċessi żejda li bihom jew mingħajrhom l-iżviluppi u l-investimenti li jsiru hawn Malta jibqgħu jsiru b’mod għaqli u sikur.
Suġġett daqsxejn kontroversjali li għandu x’jaqsam ma’ dan is-settur huwa l-ambjent. Għalkemm dan is-suġġett iqajjem ħafna argumenti, speċjalment fuq il-midja, jien dejjem kont bil-ħsieb illi dawn għandhom jimxu id f’id. Bid-dħul li jaqla’ l-Gvern mill-iżvilupp, huwa għandu jsib postijiet li jkun jista’ juża sabiex jinvesti u jinfetħu aktar green open spaces, illi jkunu jistgħu jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxi, għal kwalità ta’ arja aħjar.
Hekk kif ma’ kull sena li tgħaddi, dan is-settur dejjem qed ikompli jikber, tajjeb illi wieħed jieqaf u jaħseb fejn sejrin, u kif nixtiequ naraw pajjiżna fil-futur ġejjieni. Parti kbira minn dan il-futur jinvolvi t-tfal tal-lum, li se jsiru l-adulti ta’ għada. Jiena nemmen li m’hawnx biżżejjed investiment sabiex l-istudenti jiġu inċentivati u mħeġġa illi jkomplu f’karriera f’din l-industrija. Għalkemm ħafna persuni jaħsbu illi professjoni fl-iżvilupp mhijiex karriera importanti, dan huwa żball kbir. Bħal kull professjoni oħra, il-Gvern għandu bżonn jagħti l-importanza meħtieġa sabiex il-pajjiż ikun jista’ jipproduċi ħaddiema professjonali li huma esperti ta’ din is-sengħa. Barra minn hekk, meta nitkellem fuq il-futur ta’ pajjiżna ma nistax ma nikkummentax illi filwaqt li aħna l-iżviluppaturi għandna niffokaw biex nibnu bini sabiħ kif jixraqlu dan il-pajjiż, hemm bżonn li min-naħa tal-Gvern, l-infrastruttura ta’ Malta tiġi meħuda bis-serjetà. Inutli nippromovu l-pajjiż bħala ġawhra fil-Mediterran imma mbagħad ikollna bankini u toroq imkissrin u maħmuġin.
L-Industrija tat-Turiżmu
L-industrija tat-turiżmu ġewwa Malta, apparti illi għandha vantaġġ fuq l-ekonomija, iġġib magħha wkoll benefiċċji kulturali. Minn żmien il-Kavallieri sal-lum il-ġurnata, il-pożizzjoni ta’ Malta fil-Mediterran dejjem ġibdet lill-barranin lejn pajjiżna. Barra minn hekk, il-kultura u l-klima moderata wkoll jgħinu biex jagħmlu lil Malta attrazzjoni turistika popolari. Malta toffri kull tip ta’ akkomodazzjoni, minn dik ekonomika sa dik lussuża, li jsarrfu f’turiżmu varjat b’nies ta’ klassijiet soċjali differenti.
F’dawn l-aħħar snin rajna investimenti kbar iseħħu fl-iżviluppi u fir-rinnovazzjonijiet ta’ lukandi u diversi akkomodazzjoniet turistiċi oħrajn sabiex Malta tlaħħaq mad-domanda li qed tikber ma’ kull sena li tgħaddi. Għalkemm ħafna persuni jemmnu li din iż-żieda ta’ lukandi ġewwa Malta hija wisq u qed taqbeż il-limiti, jiena nemmen li minflok niffukaw biex nagħtu inqas permessi, għandna niffukaw biex nippruvaw noħolqu strateġija li tittratta aktar turisti ġewwa Malta fl-istaġun tax-xitwa.
Kif diġà għedt u se nkompli ngħid, nemmen li dawn iż-żewġ industriji huma żewġ setturi kulturali u ekonomiċi importanti. Min jaħdem fl-iżvilupp u fit-turiżmu jista’ jaqbel miegħi illi ż-żewġ setturi joffru sfidi u opportunitajiet differenti, imma għalhekk huwa dejjem importanti illi naħdmu b’mod għaqli li jgħin u mhux ikisser dawn l-industriji tant importanti. L-għan ewlieni tal-lukandiera u tal-iżviluppaturi għandu dejjem ikun li jiżviluppaw propjetà ta’ kwalità għolja sabiex joffru esperjenza pożittiva lit-turisti li jżuru l-ġżejjer Maltin. Barra minn hekk, għandhom ukoll jagħmluha prijorità illi jinvestu f’teknoloġija innovattiva sabiex jibqgħu kompetittivi f’dan is-suq daqshekk dinamiku.