Il-leġġenda tar-raba’ re maġi
Mela darba kien hemm … dejjem hekk jibdew il-ħrejjef tan-Nannu Frans ... kien hemm raħeb mil-Lvant Imbiegħed li kien jifhem fl-istilel, fil-kwiekeb li kienu jkellmuh....
In-Nannu Frans kien jiġborna madwaru jirrakkontalna l-istejjer waħda wara l-oħra. Ta’ tfal li konna, konna nibqgħu ħalqna miftuħ beraħ meta nisimgħuh jirrakkonta, jivvinta, jesaġera u nemmnuh! U iktar ma jarana ffissati fuq kull kelma tiegħu, iktar kien joħroġ minn fommu stejjer li qatt ma konna smajna. Imma qatt ma ninsa l-istorja tar-raba’ maġi u kif qatt ma jidher fil-Presepju ta’ San Franġisk; imma f’tan-nannu iva, kien hemm. Anzi kien hu waħdu!
Jekk toqogħdu kwieti tisimgħu l-leġġenda tar-raba’ sultan li żar lil Ġesù fil-grotta ta’ Betlehem, anzi fid-dar tiegħu stess! L-oħrajn ġabulu deheb, inċens u mirra. Imma r-raba’ wieħed ġablu …
Mela darba kien hemm … dejjem hekk jibdew il-ħrejjef tan-Nannu Frans ... kien hemm raħeb mil-Lvant Imbiegħed li kien jifhem fl-istilel, fil-kwiekeb li kienu jkellmuh. U kien joqgħod jismagħhom jirrakkontawlu ġrajja li se jgħaddi minnha f’Betlehem tal-Lhudija. F’daqqa waħda, f’nofs ta’ lejl mudlam, deherlu anġlu u qallu profezija. Qallu li se jsir re u maġi u se jsegwi stilla kbira fis-sema. Qallu wkoll li se jiltaqa’ ma’ tliet maġi oħra mil-Lvant u li se jiltaqgħu ma’ tarbija speċjali li tbiddel l-istorja tal-umanità. Ir-raħeb ma riedx jemmen u mar jorqod għall-frisk tal-lejl Persjan. U tant raqad li ma kienx jaf x’qed jiġri madwaru.
Fil-Persja l-ħin kien itir. Kien hemm ħafna sħaħar u profeti li jħabbrulek dwar ħajtek, dwar l-imħabba li se ssib u dwar ġrajjiet ġejjiena li se tgħaddi minnhom. Imma dan ir-raħeb ma kienx jagħti kashom sakemm ...
F’nofs ta’ lejl iqum u jara kewkba li qatt ma ra bħalha. Staqsieha min kienet u xi trid tgħidlu. “Imxi warajja u ssib id-destin tiegħek. Se nlaqqgħek ma’ tliet slaten maġi oħra u magħhom se tiltaqgħu ma’ re li ħarab mill-Eġittu u qed jgħix f’post jismu Betlehem, f’Iżrael. Dit-tarbija diġà twieldet u qed ifittxuha biex joqtluha. Ommu u missieru diġà sabu ħmara biex jaħarbu. “Isa, qum, ibda miexi biex tiltaqa’ mas-slaten maġi l-oħra u ssalvaw lit-tarbija.”
Qatt f’ħajtu ma sema’ l-kwiekeb ikellmuh b’dal-mod. Qabad kollox u telaq għall-vjaġġ bla tmiem biex isegwi l-kewkba li bdiet turih it-triq quddiemu.
Mexa fuq li mexa.
Għadda minn deżert għall-ieħor.
Xmara wara xmara.
Daħal f’belt fejn il-poplu qam f’rivoluzzjoni kontra l-ħakkiema tiegħu. Irnexxielu jaħrab u jkompli jsegwi l-kewkba. Ma qatax qalbu għax emmen f’dak id-dawl quddiemu.
Ma jafx kif sab ruħu f’ħakma tar-Re Erodi fejn suldati Rumani kienu jaħkmu l-poplu Lhudi. L-istilla li mexxietu ma rahiex iktar. Ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel. Libes ta’ bedwin bħan-nies madwaru. Ingħaqad mar-ragħajja li kienu jirgħaw f’belt jisimha Betlehem. Beda jgħix bħalhom. Sar Palestinjan bħalhom. Ħadd ma induna b’dal-barrani.
F’lejl minnhom grupp ta’ settlers Lhudin ġew u serqulhom arthom. Keċċewhom. Serquhom. Qatluhom. Din l-art tagħna, ta’ missirijietna u ġabulhom is-suldati u keċċewhom u bdew jaħdmu l-art huma minflokhom.
Ftit wara ġew tal-Mossad, il-korp sigriet kontra l-Palestinjani, arrestawhom u tefgħuhom il-ħabs. Bla akkużi. Bla qrati. Sabu ruħhom immanettjati ma’ eluf ta’ Palestinjani oħra. Jekk jiftħu ħalqhom, jippersegwitawhom u joqtluhom. Tgħallmu jafdaw f’Allah li Hu Ikbar. Imma sofrew u batew. U ħadd mill-kbarat tal-Ewropa ma’ fetaħ ħalqu. Dak kien id-destin tagħhom. U ta’ familthom.
Ir-raħeb priġunier. Waħdu. Għalxejn iħares lejn il-kwiekeb biex ikellmuh. Ħadd ma jkellmu.
Imma jum wieħed jinfetħu l-bibien tal-ħabs. Jgħidulu li se jeħilsuh bi tpartit ma’ ostaġġi oħra. U sab ruħu barra t-triq. Waħdu. Imdawwar b’suldati bl-armi f’idhom biex jekk ma jimxix jisparawlu. Madwaru ra familji jifirħu bil-bdil tal-priġunieri u hu waħdu miexi fit-toroq tal-Palestina vojta, b’nies imwerwra madwaru, b’ommijiet iżommu lil uliedhom mejta f’liżar abjad. Ma setax jifhem x’qed jiġri.
U f’daqqa waħda jħares ’il fuq … u jara mill-ġdid il-kewkba ta’ qabel. Beda miexi u miexi. Fl-aħħar sab għar – vojt. Kien hemm tliet rigali mitfugħa mal-art: deheb, inċens u mirra.
Vojt … Ħadd …
Fejnhom ir-ragħajja li kelmitu dwarhom il-kewkba? Fejn huma t-tliet slaten l-oħra? Fejn hu l-għaġeb tal-presepju? Fejn huma l-baqra u l-ħmara? Fejn hi t-tarbija li twieldet? Fejn huma l-ġenituri tat-tarbija?
Dis-sena ħadd ma ġie.
Betlehem bla maxtura, bla tarbija, bla baqra u ħmara, bla anġli li jkantaw, bla Ġesù, Marija u Ġużeppi.
U r-raba’ maġi staqsa x’ġara. Urewh knisja li għadha kif ġiet attakkata mis-suldati Iżraeljani. Qatlu l-Insara li kienu qed jistennew it-twelid tat-tarbija.
Ma fadal ħadd iżjed.
Baqa’ waħdu, ir-raba’ maġi waħdu, jistenna.