Vladimir Luxuria
Vladimir Luxuria hi personalità magħrufa sew fuq l-istazzjonijiet nazzjonali televiżivi fl-Italja. Ħolqot reazzjoni enormi u stagħġib bil-pożizzjoni ġdida li bidlitilha l-viżjoni ta’ ħajjitha u tat sens iktar tal-ġlieda li dejjem sostniet, u se tkompli ssostni, dwar id-drittijiet ta’ minoronzi bħal LGBTQI+
Storja mhux komuni. L-ewwel ġiet imwarrba mis-soċjetà, ippersegwitata, mgħajra. Imbagħad sabet tlieta min-nies li bidlulha ħajjitha. U tbiddlet. Bdiet tiġi aċċettata ta’ dak li hi. Anzi ta’ dak li hu. Ġrajjietha ġegħelitni naħseb xi tfisser l-akkoljenza, li ssib min iħobbok kif int, mingħajr il-“jekk” jew “x’suppost”. Mingħajr kondizzjoni. Inħobbok kif int. U nirrispettak – kif int, mhux kif l-ideoloġija dominanti tas-soċjetà tikklassifikak. Skont uħud, Kattoliċi u mhux, hija midinba kbira, qed tagħmel ħsara, hemm bżonn inwarrbuha u nagħlqulha ħalqha. Anzi ħalqu.
Vladimir Luxuria hi personalità magħrufa sew fuq l-istazzjonijiet nazzjonali televiżivi fl-Italja. Ħolqot reazzjoni enormi u stagħġib bil-pożizzjoni ġdida li bidlitilha l-viżjoni ta’ ħajjitha u tat sens iktar tal-ġlieda li dejjem sostniet, u se tkompli ssostni, dwar id-drittijiet ta’ minoronzi bħal LGBTQI+.
L-AVVENIRE, (30 ta’ Diċembru 2023), ġurnal ispirat mill-Konferenza Episkopali Taljana, kitbet hekk:
“Jiena ma jirnexxilix ngħix mingħajr il-fidi. Ippruvajt niċħadha bir-riżultat li mxejt bħal għama fid-dlam; kuljum nimxi bħal magħtub f’jiem vojta, mitlufa f’tant drogi differenti, mitlufa f’labirint eżistenzjali.
Nammira lil min hu ateu jew anjostiku imma jiena bla ebda fidi nħosssni bħal pjanta qed tmut f’ħamrija bla ilma. Forsi għax il-fidi minn dejjem kienet preżenti f’ħajti sa miż-żgħożija tiegħi meta kont nattendi l-Parroċċa San Stefano fil-belt fejn twelidt, f’Foggia. Il-magħmudija, l-Ewwel Tqarbina, il-Griżma. Kont ukoll abbati. Kont inkanta fil-kor tal-parroċċa, kont ngħin fit-tagħlim tad-duttrina lit-tfal, kont norganizza teatru u żfin sakemm sirt direttriċi artistika.
Meta kelli 16-il sena waqt li kont qed inqerr għand il-Kappillan, imtaqqla mill-piż tas-silenzju, is-sens ta’ ħtija, ippruvajt ninħeles mill-kundanni madwari. Għedt lill-konfessur kif inħossni minn ġewwa li jiena mara u x-xewqa li kelli li nbiddel id-dehra tiegħi. Il-Konfessur wara li qagħad jismagħni fis-silenzju u wara pawża twila qalli li jekk biħsiebni nkompli niġi l-Knisja għandi bżonn niċħad dawn it-tentazzjonijiet tax-xitan permezz tat-talb. Ippruvajt nagħmel kif qalli għax ma kelli ebda ħsieb li nieqaf milli nattendi l-parroċċa. Ippruvajt negħleb dawn it-tentazzjonijiet għal jiem sħaħ, ġimgħat, xhur! Imma iktar ma beda jgħaddi ż-żmien bdejt niskopri li bdejt insir persuna agħar milli kont, mimlija dwejjaq, sewda, nirrabja malajr, nervuża u dak li hu agħar bdejt insir ngħir għan-nisa kollha madwari li qatt ma stajt ngħidilhom min jien. Fi ftit kliem, bdejt inħossni nitbiegħed minn Alla.
Ir-ruħ femminili li kelli ġewwa kienet ilsira ġewwa, il-ġisem ta’ barra kien għotja insopportabbli. Għaliex Alla ħalaqni hekk? Kont qisni tikka sploduta, miġnuna, f’post żbaljat u mhux maħsub fil-ħolqien divin. Wara sentejn, sibt ruħi f’nofs ta’ triq, ridt nagħżel jew triq jew oħra: il-Knisja jew lili nnifsi, il-ħajja jew il-mewt.
Abbandunajt lill-Knisja u tfajt warajja l-istorbju trux ta’ bieb magħluq. L-istint li ngħix minkejja kollox wassalni biex nibda ġlieda biex inħossni ħajja, jiena stess, daqs ħaddieħor, irrealizzata, u sirt kapaċi nħares lejn il-mera u nagħraf min jien verament. Kont deluża b’dik il-Knisja li ma baqgħetx titkellem fuq l-imħabba imma fuq “diżordni morali”, periklu soċjali, dnub.
Meta bdejt nieħu sehem fid-dimostrazzjonijiet tal-PRIDE sirt l-iktar kelliema ngħajjat kontra l-Vatikan kemm b’posters u l-mod kif nilbes.
Meta l-Vatikan qal li hu dnub li tuża l-kontraċettivi biex tħares lilek innifsek mill-AIDS fl-Afrika – waqt li villaġġi sħaħ kienu jmutu b’din l-infezzjoni; waqt li kont preżenti ħdejn ħbieb imutu bl-AIDS fl-isptarijiet b’mard infettiv, iddeċidejt li nieħu sehem fil-Pride f’Bari b’kuruna tal-qaddisin fuq rasi f’forma ta’ condom u bi placard: “Agħmel azzjoni tajba: ipproteġi lilek innifsek!”.
Mort nipprotesta kontra l-vista tal-Papa Woythyla fil-Campidoglio u lbist ta’ Eva l-midinba.
Meta l-Papa Ratzinger fisser li l-imġiba omosesswali hi “intrinsikament ħażina mil-lat morali u oġġettivament diżordinata’’ ħassejtni mweġġgħa. Il-Pride saret turija ta’ oppożizzjoni għall-Vatikan u kritika qawwija għall-Parlament lajk bil-kliem biss. F’Ruma organizzajna l-“World Pride” bi tweġiba tagħna għall-Ġubilew tal-Knisja Kattolika.
Kien mod ieħor ta’ ġlieda kontinwa biex ma ninsiex li ġejt irrifjutata u mkeċċija mill-Knisja.
Minkejja dan kollu, mingħajr fidi ma stajtx ngħix, mingħajr fidi f’Alla, mingħajr fidi fija nnifsi.
Kien għalhekk li biex ningħaqad ma’ twemmin ikkonvertejt għall-Buddiżmu. Ippruvajt ngħixu għal diversi snin. Kien il-Buddiżmu li salvani mid-dlam li kont ngħix fih għal bosta snin.
Sibt b’dal-mod ċertu bilanċ f’ħajti: mingħajr ma niċħad l-identità tal-ġeneru tiegħi u fl-istess ħin inħossni aċċettata minn filosofija reliġjuża.
Għaddew bosta snin u kont inħossni trankwilla. Ir-reliġjon kattolika ma tqisniex parti minnha u jiena weġibt l-istess!
Imma fil-ħajja dejjem ikun hemm xi ħaġa li tissorprendik. Sirt naf b’diversi saċerdoti fosthom don Vitaliano della Sala u don Andrea Gallo tal-Komunità San Benedetto ta’ Ġenova li ħawduli l-pjanijiet tiegħi: “anki jiena għandi dritt inkun Nisranija”, qaluli. Imma jiena kont nirrabja għax kont qed inħoss min jgħidli li nista’ nidħol f’post fejn m’iniex milqugħa u mhux mistiedna.
Imma l-mod differenti kif kienu jkellmuni, il-lingwaġġ u t-ton kif jitkellmu, wassluni fi kriżi. Dun Andrea kien diġà marid fis-sodda meta ġriet l-aħbar li ġie elett Papa Franġisku u d-“Dun” kien jgħidli: “isimgħu dan il-Papa, juża kliem differenti, huwa l-Papa tal-Fqar, ta’ dawk li jinsabu l-aħħar, dawk Imwarrba”.
Fil-funeral ta’ Dun Gallo, il-Komunità Trans ta’ Ġenova kienu kollha preżenti u rċevejt wara tant żmien l-ewkaristija b’rispett għal dan is-saċerdot tat-triq, tant maħbub. Obdejt. Tqarbint minn idejn il-Kardinal Angelo Bagnasco. Irċieva kritika minn kattoliċi intransiġenti u oħrajn attivisti LGBTQI+. Il-fatt li mort nitqarben ġie interpretat li ċħadt il-ġlidiet tal-imgħoddi. Minħabba f’hekk iddeċidejt li dik kienet l-aħħar darba li rċevejt l-Ewkaristija.
Imma kien hemm iżjed affarijiet x’jiġru! Kont Napli fiż-żona Spanjola u dħalt fi knisja żgħira ta’ Santa Maria Francesca delle Cinque Piaghe. Dħalt u kienet se tibda quddiesa. Qgħadt fl-aħħar bank tal-knisja. Ma ridtx li xi ħadd jinduna bija (kont diġà magħrufa ħafna min-nies) u bżajt li xi ħadd jistaqsini: “U int xi dħalt tagħmel hawn?” Qgħadt għall-quddiesa u meta l-qassis qal “Ma jistħoqqlix li nieħu sehem fl-ikla tiegħek imma għid biss kelma waħda u ruħi tkun imfejqa!”. Dal-kliem daħal ġo qalbi u ħassejt xi ħaġa ġo fija li ma nafx niddeskrivi.
Waqt il-ħin tat-tqarbin kien hemm sinjura anzjana, resqet fuqi u qaltli:
“U ejja, x’qed tistenna biex titla’ titqarben?”
Il-Kelma waslet. L-għada mort, bħalma nagħmel kull 2 ta’ Frar, f’Montevergine għand “Mamma Schiavona”, il-Madonna protettriċi tal-gays, irġiel u nisa, u Trans u quddiem din ix-Xbieha tal-Madonna ġrat il-konverżjoni tiegħi. Hekk kif xgħelt xemgħa quddiem il-Madonna ħassejt li nxtegħel dawl ġewwa fija. Wara tant snin erġajt sibt il-fidi u kull fejn bdejt immur sibt Insara oħra ferħana li jarawni nieħu sehem fil-quddiesa u sibt saċerdoti li iktar lesti li jilqgħuni u jakkumpanjawni milli jirrifjutawni.
U rċevejt rigal ieħor – irċevejt telefonata minn saċerdot ieħor Dun Andrea Conocchia minn Torvajanica li kien jilqa’ Trans barranin u Taljani li kien jeħodhom il-Vatikan u kien jgħinhom kemm ekonomikament kif ukoll spiritwalment. Staqsieni fit-telefonata: “Trid issir taf lill-Papa Franġisku?” U għalhekk l-Erbgħa 13 ta’ Diċembru – inġorr f’idejja l-Ikona tal-Madonna ta’ Montevergine – ħadt b’idejn dak il-Papa li sejħilna “ulied Alla”. Irringrazzjajtu.
Naf li hemm bosta ostakli li nkun milqugħa b’mod sħiħ; naf li t-triq hi mimlija diffikultajiet u għoljiet … imma nħoss li din it-Triq – għall-ewwel darba fil-Knisja – hi miftuħa. Konxja wkoll li hemm ħafna dubji ġustifikati fil-Komunità LGBTQI+ fejn jidħol il-Vatikan. Kulħadd għandu d-dritt għall-Fidi – li ma tmurx kontra l-bixra sesswali jew l-identità tal-ġeneru.
Inħossni kattolika konxja li rrid naffronta b’mod lajk temi etiċi li niltaqa’ magħhom. Se jkun hemm mumenti skomdi u mumenti mimlija entużjażmu.
Meta ltqajt mal-Papa ġietni f’moħħi l-kelma bl-aramajk ta’ Ġesu’ fil-Vanġelu: ‘EFFATA’ li tfisser ‘INFETAĦ’. U ftaħt qalbi, idejja, ħalqi u widnejja għas-sinjali li bagħatli l-Mulej.
Issa ninsab iktar serena.