Editorjal| Il-PN għandu bżonn serjetà mhux teatrini
Ir-ritorn ta’ Debono fil-PN ċertament iżid il-kulur fil-politika, imma bħala sustanza u serjetà, il-PN jagħmel sew li jfittex bnadi oħra fi mħuħ aktar serji u bilanċjati
L-Avukat Franco Debono, Eks Deputat Nazzjonalista li kien responsabbli li l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi jisfaxxa, deher ilbieraħ mingħajr stedina fuq radju ta’ diskussjoni popolari biex jindirizza kummenti ta’ kummentatur Nazzjonalista. Il-kummenti wassluh jagħmel żjara sorpriża fejn ċaħad il-kumment tal-mistieden li kien qed jipprova jimponi li jkun kap tal-partit bħala kundizzjoni għar-ritorn tiegħu.
Waqt diskussjoni, il-mistieden, l-Avukat tal-PN Edward Debono, allega li l-Avukat u Eks Deputat tal-PN Franco Debono, kien qed jerġa’ jikkunsidra li jirritorna lura fil-partit, iżda li kien qed jimponi l-kundizzjoni li jkun kap.
L-Avukat Franco Debono lbieraħ imbagħad deher (hekk aħna infurmati) mingħajr stedina biex jindirizza l-kummenti preċedenti ta’ Edward Debono.
Debono kien qal f’post fil-media socjali li xejn m’għandu jiġi eskluż fir-rigward tar-riintegrazzjoni tiegħu fil-PN, jew saħansitra bħala parti mit-tmexxija tal-partit, Edward Debono qal li dan “mhux korrett” min-naħa ta’ Franco Debono. Mexxejja oħra ta’ qabel kienu għamlu dan b’sens ta’ dmir, sostna.
Dan wassal għal żjara sorpriża mhux skedata fl-istudio minn Franco Debono, ftit minuti wara.
“Jien nittollera l-opinjonijiet imma ma nittollerax il-gideb,” Franco Debono li jgħix Ħal Għaxaq qal. “Kont id-dar u ġejt hawn biex nikkonfrontah personalment dwar il-gideb tiegħu u nitolbu jispjega fejn kont imponejt kundizzjoni jew saħansitra esprimejt ix-xewqa li nsir Kap tal-PN.”
“Mhux se nittollera lin-nies jigdbu dwari. Jien kont id-dar. Għandi xogħol x’nagħmel,” qal Debono b’wiċċu aħmar, qabel irringrazzja lil Andrew Azzopardi talli ppermettielu jidħol fl-istudio u ppermettielu li jitkellem waqt il-programm tar-radju.
Franco Debono qal li stħarriġ xjentifiku li kien ħallas għalih, kif ukoll “stħarriġ mhux xjentifiku ieħor li sar minn Lovin Malta”, urew li “ħafna nies hemm barra, inkluż votanti tal-PN, iridu li nkun fit-tmexxija tal-PN”.
Fil-passat Debono kien kaġun ta’ inkwiet kbir intern fil-PN u kien uġigħ ta’ ras għall-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Żbukkat u narċissista, Debono huwa magħruf għal tifħir bla tmiem għal dak li għamel fil-politika. Magħruf ukoll li mhux tim plejer u mhux lest biex jaħdem f’tim.
Kien ċentrali biex il-Gvern ta’ Gonzi jgħajjat elezzjoni qabel iż-żmien u kien anke ppremjat mill-Gvern ta’ Joseph Muscat b’kariga uffiċjali bħala Kummissarju tal-liġijiet, kariga li baqa’ jokkupa mill-2013 sal-2019.
Ir-ritorn ta’ Debono fil-PN ċertament iżid il-kulur fil-politika, imma bħala sustanza u serjetà, il-PN jagħmel sew li jfittex bnadi oħra fi mħuħ aktar serji u bilanċjati.