Neil Falzon | Malta saret daru
X’ħa l-pajjiż nhar il-Ġimgħa meta Kusi tela’ fuq l-ajruplan għall-Ghana? Inti x’ħadt? Li ġara żgur hu li tlifna ġuvni bil-għaqal, bieżel u wieħed minna.
Billi xi ħaga hi legali, ma jfissirx li hija bilfors tajba! Din hi l-ewwel lezzjoni li nagħmel mal-istudenti tiegħi kull sena. Imma x’jiġifieri? Jiġifieri li xi kultant ikun hemm sitwazzjonijiet fejn il-liġi tippermettilna nimxu b’ċertu mod, iżda l-moralità, dak is-sens li jgħidlina x’inhu tajjeb jew ħażin, jgħidilna nimxu mod ieħor.
Pereżempju, il-liġi tħallik tibni f’żona partikolari, iżda l-moralità tiegħek ma taqbilx mal-qrid tas-siġar u tal-ambjent naturali f’dik iż-żona. Il-liġi ma tindaħalx jekk taqlibhiex lir-raġel jew lil martek, imma ma tagħmilhiex għax is-sens tal-moralità jiggwidak mod ieħor. Billi tista’ tagħmel xi ħaġa, ma jfissirx illi bilfors għandek tagħmilha.
Malta vera li tista’ tirritorna lejn pajjiżu raġel li m’għandux permess li joqgħod Malta. Iżda għax taf x’jiġifieri s-solidarjetà mal-proxxmu, taħseb li mhux sew nibagħtuh lura. Taf li ilu hawn fostna mingħajr ma jistaħba għal xi tlettax-il sena. Taf li l-Gvern stess ħariġlu permess tax-xogħol. Taf li l-Gvern stess ħadlu eluf f’taxxi u f’bolol. Taf li saħansitra l-Gvern tah permess jiftaħ ħanut. Taf ukoll li l-Gvern qatt ma kellu problemi bih u miegħu. U għax x’sens jagħmel li tkeċċi persuna li taf bl-Ingliż u bil-Malti, għandha l-ħila tiftaħ u tmexxi business … biex imbagħad iddaħħal lil xi ħadd minn pajjiż ieħor li jrid jibda kollox mill-bidu?
Fil-ġimgħat li għaddew Kusi Dismark ġie arrestat, imsakkar fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi u ntbagħat lura lejn pajjiż li kien ilu ma jara għal fuq minn tlettax-il sena. Minn kważi kull perspettiva, l-aġir tal-Gvern – għalkemm legali – ma jagħmilx sens.
Għal dawn l-aħħar snin, Malta ilha ddaħħal eluf ta’ barranin biex jaħdmu hawn. Ħafna entitajiet, inkluż is-settur privat, qed jikkummentaw kemm hemm bżonn li dawn jiġu offruti aktar taħriġ fl-oqsma li qed jaħdmu fihom, fl-Ingliż u fil-Malti u f’dawk l-elementi bażiċi kulturali dwar il-ħajja f’Malta. Is-settur privat qed jilmenta li, wara ħafna spejjeż għal dan it-tip ta’ impjieg, in-nies jitilqu minn Malta wara żmien qasir wisq, għal raġunijiet varji fosthom id-diffikultajiet u r-razziżmu li jesperjenzaw ta’ kuljum. Jekk nafu li fostna hawn mijiet ta’ nies, bħal Kusi, illi diġà jafu jitkellmu bil-Malti u bl-Ingliż, u li tant ilhom hawn li mhux talli drawha lil Malta imma talli għandhom kommunità ta’ ħbieb, familjari u kollegi, fosthom Maltin, għalfejn ma nippruvawx inħarsu lejhom bħala potenzjal u opportunità, minflok piż u illegalità?
Mill-aspett uman, wieħed irid biss jipprova jaħseb x’jiġifieri tlettax-il-sena, partikolarment meta dawk is-snin għexthom fil-fjur ta’ żgħożitek fejn kull sena hi mimlija esperjenzi u emozzjonijiet intensi u tkun qed tiżviluppa minn tfajjel għal adult. Tul dawn is-snin, Malta ssir darek, trid jew ma tridx. Issir taf il-ġirien u r-rutina tagħhom, ikollok il-każin jew bar favorit, tagħmel kwarta tpaċpaċ ma’ tal-merċa waqt ix-xirja, meta ssuq sal-karozza tasal id-dar awtomatikament wara x-xogħol. Huma dawn l-affarijiet iż-żgħar li jsawru t-tifsira ta’ dar, mhux passaport jew karta tal-identità. Għal Kusi, u għal ħafna oħrajn bħalu, Malta saret daru. Kien iħobbha tant li għamel li seta’ biex itejjeb is-sitwazzjoni tiegħu hawn, u dan kollu mingħajr qatt ma pprova jinħeba mill-Pulizija u mil-liġi.
Allura xiex, dan-nies kollha li daħlu illegalment inħalluhom joqogħdu hawn qisu xejn mhu xejn? Ħadd ma qal hekk! Anzi, li qed ngħidu hu li jekk il-Gvern irid jirritorna n-nies lura lejn pajjiżhom, meta ma jkollhomx dritt joqogħdu hawn, għandu jirritornahom malajr kemm jista’ jkun u mhux jistenna s-snin. Hija politika krudili li għax il-Gvern m’għamilx xogħlu, nippretendu li n-nies jistennew fil-limbu. Il-ħajja tkompli. Iktar ma għadda żmien, iktar issaħħet ir-rabta ta’ Kusi ma’ Malta tant li sa fl-aħħar beda jsejħilha ‘dari’.
X’ħa l-pajjiż nhar il-Ġimgħa meta Kusi tela’ fuq l-ajruplan għall-Ghana? Inti x’ħadt? Li ġara żgur hu li tlifna ġuvni bil-għaqal, bieżel u wieħed minna.
Hemm perspettiva waħda biss li tħares lejn din il-kwistjoni bħala suċċess. Hija l-perspettiva tal-politika li tinteressaha biss tgħidlek li Kusi kien theddida. Kriminali. B’kultura differenti wisq. Perikoluż.
Il-liġi, għax mibnija fuq dik il-politika diżumana, tippermetti t-tkeċċija ta’ Kusi. Il-moralitá, għax mibnija fuq sens ta’ ġustizzja soċjali u sens komun, tgħidlek illi Kusi kellu jibqa’ fostna.