ROTA | Malta mingħajr traffikku
Trasport sostenibbli mhuwiex biss iċ-ċavetta li tiżgura tnaqqis fl-emissjonijiet tagħna, imma anke jagħmilna wkoll iktar b’saħħitna u kuntenti
Li nċaqalqu nies u affarijiet minn A għal B hija waħda mill-ikbar sorsi ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’Malta. Bi snin u snin ta’ attenzjoni bla waqfien lejn bini ta’ toroq u junctions ġodda, wittejna t-triq għad-dipendenza totali fuq il-karozza, inġiegħlu lin-nies isuqu l-maġġoranza assoluta tal-vjaġġi tagħhom. Imma m’għandhiex tkun hekk. Trasport sostenibbli mhuwiex biss iċ-ċavetta li tiżgura tnaqqis fl-emissjonijiet tagħna, imma anke jagħmilna wkoll iktar b’saħħitna u kuntenti. Immaġina futur fejn li tmur għax-xogħol jew tixtri mill-ħwienet ma tkunx iktar esperjenza ta’ rabja li teħel fit-traffiku u tbati tfittex kaxxa fejn tipparkja.
Ejjew inħarsu ftit deċennju ’l quddiem. Ninsabu fis-sena 2034. In-numru ta’ karozzi naqsu, mhux żdiedu. Malta ma baqgħetx tissussidja l-ispejjeż tal-fuel, hekk kif iktar u iktar sewwieqa qelbu għall-vetturi elettriċi nodfa u orħos. Din tillibera investimenti fi proġetti ta’ trasport sostenibbli, fejn dan ifisser l-ewwel linja tat-tramm ta’ Malta bejn il-Belt u Tas-Sliema nfetħet fl-2030, u oħra li tgħaqqad il-Belt ma’ Birkirkara qiegħda tinbena. Tpespisa żgħira, hemm anke għajdut dwar metro taħt l-art għax trasport sostenibbli jwitti t-triq għal tkabbir sostenibbli.
Wara snin u snin ta’ żieda fl-użu tal-linja grazzi għat-tmiem tan-nollijiet fl-2022, il-Gvern ħa d-deċiżjoni diffiċli li jipprijoritizza t-trasport pubbliku fit-toroq, implementa network kompluta ta’ korsiji għal tal-linja u imblokka shortcuts qalb iċ-ċentri tal-irħula. Filwaqt li għall-bidu din fissret il-vjaġġi bil-karozza bdew idumu iktar, maż-żmien iktar nies qelbu għat-trasport pubbliku, u t-traffiku naqas. Tal-linja issa hi frekwenti, affidabbli u tgħaġġel daqs il-karozza. In-network ippjanata għall-mobbiltà attiva li bdiet tinbena fl-2024, hi fl-aħħar lesta, li jfisser kull vjaġġ jista’ wkoll jinstaq bir-rota bl-użu ta’ passaġġi segregati jew toroq kwieti. Il-pjazez mhumiex iktar żoni ta’ parkeġġ, imma żoni pedonali.
Dan kollu jfisser li b’inqas vjaġġi ta’ bla bżonn b’karozzi li jniġġsu, issa hemm inqas traffiku għal min ġenwinament għandu bżonn isuq.
Ħa nħarsu ftit lejn vjaġġi tipiċi fl-2034. Omm tieħu lil uliedha jilagħbu l-futbol. Minflok ma ddeffes kollox f’karozza kbira u li tiswa l-flus, jaqbdu rota cargo elettrika li tirrikjedi wkoll ferm inqas spejjeż. It-tfal jieħdu gost jaraw id-dinja quddiemhom, minflok imsakkrin f’kaxxa tal-metall li tiżen żewġ tunnellati.
Pensjonant jixtieq imur f’ħanut lokali. Minflok ma jiddependi fuq membri tal-familja biex iwassluh jew iċempel taxi, hu juża mobility scooter fil-korsiji segregati tal-mobbiltà attiva biex jagħmel il-vjaġġ qasir saċ-ċentru tar-raħal.
Professjonista żagħżugħa li tgħix Għawdex għandha tinżel il-Belt għal laqgħa. Tuża r-rota elettrika tagħha sat-terminal tal-ferry, tara u twieġeb l-emails matul il-vjaġġ ta’ tliet kwarti, imbagħad tkompli tuża r-rota għall-aħħar biċċa direttament għal-laqgħa, fejn tista’ ssakkar ir-rota barra b’mod sigur. M’għandhiex għal xiex thewden kemm hemm traffiku fi Triq il-Kosta jew tfittex fejn se tipparkja barra l-Belt.
Grupp ta’ żgħażagħ qegħdin jippjanaw il-ħarġa tagħhom Paceville. Minflok ma jaħlu flushom fuq taxi, jistgħu jiddependu fuq tal-linja li twassalhom hemm fil-ħin u lura wkoll b’mod sigur fl-aħħar tal-lejl, b’servizz tal-linja li ma jiqafx iktar kmieni ma’ xi l-ħdax ta’ billejl.
Iktar trasport sostenibbli jagħti iktar opportunità lin-nies li jagħżlu l-modi tagħhom kif jivvjaġġaw. F’dan il-futur, avveniment ta’ 25,000 ruħ ma jġibx is-sistema kollha tat-traffiku tal-pajjiż għarkupptejha. L-għażla ta’ vjaġġar sostenibbli tkun l-iktar waħda konvenjenti. Traffiku u road rage ikunu memorji mbegħdin tal-2024. Fl-2034, il-mistoqsija ma tkunx “x’ħin l-aħjar noħroġ biex nevita t-traffiku?” imma “għaliex ma nbdilniex qabel?”