David John Pace | Il-Qtil ta’ Xummiemu
'Miskin Xummiemu li tant kien jidher fuq it-televiżjoni biex jgħidilna nżommu nadif. Mhux talli qatt ma smajna minnu, iżda kkundannajnieh għall-mewt'
Ftit ilu dehret storja f’waħda mill-gazzetti lokali li rrapportat li l-ispeċi ta’ qniefed li jgħixu Malta tant mhux qed isibu spazju fejn jimirħu li qed jgħammru ma’ individwi li jiġu minnhom, dak li bl-Ingliż isejħulu inbreeding. Dan jirriżulta fi frieħ li huma qrib xulxin ġenetikament u għalhekk iċ-ċans li jkollhom problemi ġenetiċi jiżdied minħabba li l-karatteristiċi perikolużi jintirtu minn annimal għal ieħor jogħla ħafna u l-maġġoranza tagħhom jispiċċaw b’difetti fiżiċi u problemi immunitarji li jaffettwaw il-popolazzjoni tagħhom għaliex imutu aktar malajr. Infatti, bħall-bnedmin, l-annimali jevitaw kemm jistgħu li jkollhom relazzjonijiet inċestwali u jippruvaw ikollhom x’jaqsmu ma’ individwi li ġejjin minn popolazzjonijiet li jinsabu ’l bogħod ħalli ma jitħalltux ma’ membri bl-istess ġenetika.
Il-problema tiggrava minħabba li dal-pajjiż m’għandux programm ta’ konservazzjoni u protezzjoni tal-fawna (l-annimali u l-flora [il-pjanti]) u l-ERA, li suppost tipproteġihom, tidher li hi kompliċi mal-għatx tal-PA li tagħti permessi bl-addoċċ biex tiġi mgħottija kull roqgħa ħadra li għad fadlilna f’Malta bil-konkos u l-ġebel, u tagħlaq dawn l-annimali fi spazji iżgħar u iżgħar mingħajr konnessjonijiet m’artijiet oħra. Dan jisforzahom jinnamraw ma’ membri li diġà jiġu minnhom li jkompli jdgħajjef ir-razza li tispiċċa mimlija b’difetti ġenetiċi.
Miskin Xummiemu li tant kien jidher fuq it-televiżjoni biex jgħidilna nżommu nadif. Mhux talli qatt ma smajna minnu, iżda kkundannajnieh għall-mewt bħalma kkundannajna l-maġġoranza tal-ekosistemi Maltin li qed jitnaqqru u jiċkienu b’rata kbira minħabba li l-protezzjoni tagħhom ma teżistix tant li studju li sar mill-kumpanija Swiss Re fl-2020 li tkejjel ir-reżiljenza ekoloġika tal-pajjiżi, sabet li Malta għandha l-aktar ekosistemi fraġli fl-Ewropa u hija waħda mill-ħames pajjiżi fir-riskju ta’ kollass ekoloġiku.
Kollass Ekoloġiku
Dan mhux sensazzjonaliżmu, kollass ekoloġiku jseħħ meta t-tibdiliet li jsiru f’ekosistema jkunu irriversibbli. Pereżempju, jinqatgħu s-siġar kollha tal-Buskett u għalhekk ħafna annimali, insetti u għasafar jispiċċaw mingħajr sors t’ikel u kenn. Peress li dawn kollha jiddependu fuq xulxin, jibdew jonqsu n-numri tagħhom. Ngħidu aħna, dawk l-għasafar li jieklu l-insetti ma jsibux l-ikel filwaqt li t-tajr tal-priża jsibu anqas għasafar x’jieklu u tibda tikkolassa l-katina tal-ħajja.
Xi ħaġa simili rajnieha sseħħ meta nqatgħu s-siġar tal-fikus fil-Mosta u l-eluf ta’ sturnelli li kienu jistkennu fihom spiċċaw mingħajr dar u bdew itiru ma’ kullimkien u anke spiċċaw fl-art. M’hemmx xi ngħidu, kif ekosistema tikkollassa tispiċċa ferm anqas rikka fil-flora u l-fawna.
Issa ħafna ekosistemi Maltin bħax-xagħri u l-makkja u boskijiet ċkejknin huma diġà żgħar wisq u għalhekk aktar sensittivi għal tibdiliet, u t-tibdiliet li qed jaffaċċjaw huma kbar: żieda fil-popolazzjoni, fit-toroq u l-bini, tnaqqis ta’ żoni ħodor u problemi klimatiċi. Ma’ dan irridu nżidu li m’għandniex servizzi ekoloġiċi adekwati. Dan tant hu minnu, li l-aħbar xokkanti tal-kumpanija Swiss Re dwar l-ekosistemi Maltin waqgħet fuq widnejn torox u erba’ snin wara, il-bini bla rażan u l-kostruzzjoni bl-addoċċ żdied minflok naqas. Mil-lat ta’ protezzjoni u konservazzjoni tal-biodiversità, l-unika xogħol li nisimgħu bih qed isir minn voluntiera minn gruppi bħar-rangers u n-nature trust.
Dawn qed juru li jekk ikollok gruppi ta’ nies li verament iħobbu l-ambjent Malti jaħdmu favurih u jistgħu jagħmlu differenza, iżda l-mistoqsija hija għaliex gruppi bħal dawn għandhom ikunu voluntiera meta l-Gvern għandu tant riżorsi fil-forma ta’ diversi awtoritajiet u regulaturi bħal PA, ERA, Ambjent Malta u Project Green?
Dawn x’qed jagħmlu b’mod konkret biex inaqqsu din il-qerda tal-ambjent naturali u l-protezzjoni tal-biodiversità tagħna?
Għaliex jiftaħru bis-siti Natura 2000 u dawn kważi m’għandhom l-ebda protezzjoni ħlief minn nofs tużżana rangers?
Fil-każ ta’ Project Green, dan x’qed jagħmel biex jinbnew kurituri ħodor li jiżdiedu ma’ meded ħodor li qed jiċkienu? Kuruturi bħal dawn jistgħu joffru rotot ġodda għall-annimali lejn siti ġodda ħodor mibnija apposta minn dal-proġett biex jospitawhom u jkollhom aktar fejn jimirħu. Sfortunatament dan il-proġett qed jimxi bil-mod wisq biex jilqa’ għall-qerda massiċċa li qed titħalla ssir mill-bini bla rażan. Ma tistax tħalli eluf ta’ metri kwadri t’art agrikola jew ħadra tinqered, imbagħad tibni ġnien ta’ 50 metru kwadru u tippretendi li dan ipatti għal dik il-qerda. Il-ħolqien ta’ meded ħodor u msaġġra jrid ikun fuq l-istess livell ta’ kemm qed titħalla art tinqered bil-bini, iżda nafu li l-art tiswa l-flus, filwaqt li s-siġar huma meqjusa bħala intopp u għalhekk nistgħu naqilgħuhom u neqirduhom mingħajr xkiel.
Il-Ministeru tal-ambjent xeba’ jagħmel studji fuq it-tħawwil tas-siġra, iżda fejn konna bqajna. Għadna naraw meded ta’ Malta u Għawdex għerja sew mis-siġar li kif jafu anke ambjentalisti tfal huma postijiet fejn jitrabbew u jitrawmu l-ekosistemi u għalhekk jattiraw ħafna insetti, animali u pjanti.
Hija tassew tal-biki li t-tfal tagħna jgħidulna kemm hawn bżonn siġar f’din l-art niexfa u miksija bil-blat u l-bini, filwaqt li l-politiċi tagħna lanqas biss jagħtu kas. Qed jistennew li l-problema tiggrava u nibdew nitilfu annimali bħall-ballottra u l-qabru li darba tant konna ferħanin bihom li stampajniehom fuq il-flus tagħna. Minn hawn u ftit ieħor, dan se jkun l-unika post fejn narawhom!
Forsi wasal iż-żmien li jiġi ppubblikat rapport nazzjonali li juri l-istat tal-flora u l-fawna Maltija bħalma kien jiġri fil-passat bil-pubblikazzjoni tar-Red Data Book li l-aħħar wieħed ħareġ fl-1989, 35 sena ilu, li diġà kien qed juri li ħafna speċi lokali jinsabu fil-periklu li jinqerdu, aħseb u ara llum f’liem stat jinsabu! U huwa d-dover u x-xogħol tal-ERA li jagħmlu dan għax jekk ma nkunux nafu f’liema stat tinsab il-flora u l-fawna Maltija llum, ma nistgħux insiru nafu x’passi jridu jittieħdu biex insalvawhom.