Iridu l-Presidenza iżda x’qed jipproponu? L-ILLUM tanalizza
Chris Bonett u Bjorn Vassallo jridu l-aktar kariga prestiġjuża fix-xena tal-futbol lokali. Imma xi jridu jwettqu? Xi pjanijiet għandhom? X’qed jipproponu? L-ILLUM tanalizza ż-żewġ manifesti
Iż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol ippreżentaw b’mod pubbliku l-manifest elettorali tagħhom. Din il-ġimgħa l-ILLUM tat ħarsa lejn iż-żewġ manifesti u fil-qosor elenkat il-punti essenzjali taż-żewġ viżjonijiet.
L-għajta tal-kandidati
Iż-żewġ kandidati qegħdin jużaw tema differenti għall-kampanja tagħhom. Bonett għażel li jikkontesta bl-għajta ta’ ‘Il-Klabbs fuq Quddiem’ filwaqt li min-naħa l-oħra Vassallo adotta l-għajta ta’ ‘Forward Together’.
Il-viżjoni ta’ Bonett iddur madwar ħames prinċipji: poter lill-klabbs, kummerċjalizzazzjoni, il-logħba fiċ-ċentru ta’ ħidma tal-MFA, żvilupp tal-klabbs u tal-plejers sabiex isiru professjonali, u komunikazzjoni kostanti bejn it-tmexxija tal-MFA u l-klabbs.
Min-naħa l-oħra, il-viżjoni ta’ Vassallo tistrieħ fuq ħames pilastri li huma: kompetizzjonijiet sodisfaċenti, fair play u sostenibbilità finanzjarja, solidarity funds distribution, appoġġ għall-iżvilupp u edukazzjoni, għarfien professjonali u l-aħjar prattiċi.
Fl-istess waqt iż-żewġ kandidati qegħdin jorbtu l-viżjoni tagħhom ma’ medda ta’ żmien. Apparti minn dan, Vassallo, kien ċar bil-proposti tiegħu jkunu bbażati fuq medda ta’ tmien snin. Il-proposti tal-avversarju tiegħu, qed ikunu mqassmin fuq numru ta’ snin differenti. Xi wħud mill-proposti se jiġu attwati fi tliet snin, oħrajn f’sitt snin u oħrajn fi żmien disa’ snin.
Iż-żewġ kandidati bi pjanijiet kbar għall-infrastruttura
X’qiegħed iwiegħed Bonett?
- Uċuħ ġodda għall-grawnds kollha li jitlestew f’sitt snin
- Stadium ġdid għan-Nofsinhar ta’ Malta
- Żviluppi ġodda ġol-istadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali. In-‘North’ u s-‘South Stand’ jitressqu fil-viċin. Il-West stand issir il-kwartieri l-ġodda tal-MFA. Dan kollu qed jiġi stmat li se jiswa €30,000,00
X’qiegħed iwiegħed Vassallo?
- L-istadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali jiġi żviluppat mill-ġdid fuq stil Ingliż bl-introduzzjoni ta’ safe standing seats. Il-pjanijiet jinkludu wkoll, Futsal arena, Ċentru għan-negozju, stabbilimenti tad-divertiment u ċentru tekniku ġdid
- Sas-sena 2025 għandhom jiġu żviluppati żewġ ċentri reġjonali
- Vassallo qiegħed iwiegħed li jiġi żviluppat Stadium ġdid fin-Nofsinhar ta’ Malta
- Jiġi żviluppat l-istadium f’Ta’ Sannat Għawdex
Il-proposti għall-klabbs lokali
X’qiegħed iwiegħed Bonett?
- Direttur għall-klabbs bl-MFA tħallas is-salarju ta’ €15,000 lil kull klabb.
- Jinħoloq dipartiment għas-servizz tal-membri
- Jinħolqu l-iskemi kollha proposti
- F’temp ta’ sitt snin il-klabbs kollha tal-Premier ikunu qed joperaw fuq bażi professjonali
- Fuq medda ta’ disa’ snin numru sostanzjali ta’ klabbs tal-ewwel diviżjoni jkunu qed joperaw fuq bażi professjonali
- Il-klabbs kollha jkunu ċċertifikati bħala finanzjarjament awto suffiċjenti
- Il-klabbs tat-Tieni u tat-Tielet Diviżjoni jkunu qed joperaw fuq bażi semiprofessjonali
X’qiegħed iwiegħed Vassallo?
- Appoġġ għall-pjan ta’ negozju lill-klabbs
- Taħriġ ta’ edukazzjoni għall-kumitati u l-istaff tal-klabbs
- Ċentru ta’ negozju għall-Klabbs Amateurs u Assoċjazzjonijiet Membri
- Għajnuna lill-klabbs sabiex jakkwistaw fondi Ewropej
- Jiġi ffirmat ftehim bejn l-Assoċjazzjonijiet Membri li jinkludi d-drittijiet u l-obbligi
- Jiġi introdott programm ta’ akkademja għall-iżvilupp tal-futbol
Il-logħba tal-futbol lokali
X’qiegħed iwiegħed Bonett?
- Il-kampjonati lokali jsiru awtonomi mill-MFA
- Jingħata l-Prize Monies kif proposti mill-istaġun 2019/2020.
- Tibda kompetizzjoni ġdida għall-klabbs tat-tieni, tat-tielet diviżjoni u l-klabbs Għawdxin
- Jitnieda s-Sillabu Nazzjonali tal-Futbol
- Jinħoloq dipartiment tal-Iscouting
- Tinħoloq skema ta’ scolarships għal min jilgħab barra minn Malta.
- 5 plejers ikunu jilagħbu barra fuq bażi professjonali sas-sena 2024.
- Titlesta l-Akkademja tal-MFA
- 10 plejers ikunu jilagħbu barra minn Malta fuq bażi professjonali sas-sena 2028
- Kwartieri ġodda għall-Youth F.A.
X’qiegħed iwiegħed Vassallo?
- Vassallo qiegħed jgħid li tim ta’ esperti se jkun qiegħed janalizza din il-kwistjoni u jistudjaw il-kwoti fuq il-limiti tal-plejers barranin u kemm idum il-mid season break. Fl-istess waqt se jkun diskuss il-miżati ta’ reġistrazzjoni ta’ plejers barranin
- Entità tal-league li tmexxi senior futbol
- Appoġġ lill-klabbs sabiex iwaqqfu mudell kummerċjali sostenibbli
- Diskussjoni fuq status ta’ taxxa speċjali għall-klabbs
- Tiġi mwaqqfa fondazzjoni ‘Inħobb il-Futbol’ sabiex timxi mal-istrateġija taż-żgħażagħ
- Introduzzjoni ta’ politika rigoruża dwar il-protezzjoni ta’ minuri
- Żieda fin-numru ta’ nisa f’karigi ta’ tmexxija inkluż fi ħdan l-MFA
- Pjan strateġiku għar-referis lokali
Futbol Internazzjonali
X’qiegħed iwiegħed Bonett?
- Titnaqqas id-differenza fil-livell bejn Malta u pajjiżi oħrajn
- F’temp ta’ disa’ snin Malta tirbaħ id-Diviżjoni D tal-UEFA Nations League
X’qiegħed iwiegħed Vassallo?
- Jitjiebu r-riżultati tat-Tim Nazzjonali Malti
- Jiġi diskuss il-ħolqien ta’ tim professjonali ta’ plejers magħmul minn plejers Maltin li jipparteċipa f’leagues barrani.
- Jitjiebu r-rankings tat-timijiet nazzjonali f’kull sezzjoni
- Tiġi organizzata FIFA Youth World Cup u Youth European Cup f’Malta
Tibdiliet interni fl-MFA
X’qiegħed iwiegħed Bonett?
- Titwaqqaf kumpanija kummerċjali ġdida bl-ishma jkunu 45% tal-MFA u 55% tal-klabbs. L-impjegati ta’ dawn id-diversi setturi se jkunu trasferiti f’din il-kumpanija
- Jinħoloq dipartiment għas-servizz tal-membri li jservi ta’ one-stop-shop għall-esiġenzi kollha amministrattivi tal-klabbs
- Emendi biex l-istatut jinbidel għaż-żminijiet tal-lum
- Twaqqif ta’ kumitati tal-finanzi, dinjità lill-uffiċjali tal-klabb
- It-twaqqif ta’ Dipartiment tar-Riżorsi Umani.
- Dikjarazzjoni ta’ pagi u onorarji
- Aktar trasparenza fl-MFA
X’qiegħed iwiegħed Vassallo?
- Jinħoloq dipartiment ta’ etika, integrità u konformità
- Jinħoloq Anti-Match Fixing Unit
- Immodernizzar fl-MFA
- Limiti ta’ terminu għall-President
- Reviżjonijiet fl-istatut u fil-proċess ta’ deċiżjoni fi ħdan l-MFA