'Biex ġie dan l-unur kellna ngħaddu minn ħafna taqtigħ il-qalb'

Sean Mintoff - wieħed mill-goalkeepers ta' Balzan li fil-finali tal-FA Trophy kontra Valletta f'Mejju li għadda kien strumentali biex Balzan rebħu din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom hekk kif salva wieħed mill-penalties.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Din l-imħabba bdiet sa minn meta kont żgħir. Bdejt man-nursery ta’ Floriana FC u għamilt magħhom sal-minors. Wara mort ma’ Żabbar St Patrick, klabb li tani ċ-ċans niddebutta mat-tim tal-kbar. Niftakar li konna tlajna għall-kampjonat Premier u jien għamilt ukoll żmien magħhom nilgħab fl-Ewwel Diviżjoni. Minn hemm ’l hemm qatt ma ħarist lura u dejjem rajt kif intejjeb il-livell tiegħi. 

Kemm ilek ma’ Balzan FC?

Lgħabt fl-istaġun li għadda u f’dan li għadu kemm spiċċa. Ninsab ferm għal qalbi magħhom u kuntent li kont fit-tim fejn irbaħna l-ewwel unur fl-istorja tagħna. 

Dan l-istaġun kellek il-kompetizzjoni ta’ Steve Sultana, goalkeeper ieħor validu.

Għedtha int stess. Steve huwa gowlkiper tajjeb u matul dan l-istaġun kien hemm mumenti fejn lgħabt jien u drabi fejn kien hu bejn il-lasti tat-tim. Nista’ ngħid li nikkumplimentaw sew lil xulxin.

Xi tgħidli dwar dan l-istaġun li jekk taqta’ r-rebħ tat-trophy kien wieħed xi ftit diżappuntanti?

Fil-verita’ nemmen li ma konniex konsistenti kemm fil-logħob kif ukoll fir-riżultati li ksibna. Ma rnexxielniex nirbħu logħba mat-timijiet ta’ fuq u fejn is-sena l-oħra konna nieħdu xi punti, din is-sena sibnieha diffiċli. B’xorti tajba ħallejna l-aħjar tagħna għal FA Trophy u din kienet ir-raġuni li spiċċajna rbaħna dan l-unur.  

Ħassejtuha t-transizzjoni bejn il-kowċ Marko Micovic u Jacques Scerri?

M’hemmx dubju li ż-żewġ kowċis għandhom metodi differenti minn xulxin. Li hu żgur hu li Jacques Scerri ġab ambjent ġdid fit-tim u anke dixxiplina tattika. Irnexxielna nadattaw mal-ewwel għall-ordnijiet tal-kowċ għax ġab armonija ġdida fit-tim. 

Int kont il-protagonista prinċipali fil-logħba tat-trophy kontra Valletta. X’ħassejt meta lqajt il-penalty ta’ Nicholas Pulis?

Ħassejt sodisfazzjon kbir. Nemmen li kienet miktuba li kellna nirbħu din il-partita. Id-destin ried li kellna mmorru għal-lotterija tal-penalties wara li għal logħba sħiħa konna dejjem minn fuq. Valletta setgħu jagħmluha wkoll u fil-penalties ma kinitx ser tkun xi ħaġa faċli. Iżda meta bdejt nara lil sħabi jmorru b’ċerta kunfidenza għall-għoti tal-penalties li wara kollox tħarriġna għalihom, indunajt li għandna ċans nieħdu dan l-unur. 

Ħa nitkellmu fuq il-kampjonat. Taqbel li jkun hemm 14-il tim fil-kampjonat Premier?

Iva, naqbel. 

U xi tgħidli dwar ir-regola ta’ 11-il barrani f’tim tal-Premier?

Le din id-darba nasal biex ngħid li ma naqbel xejn ma’ din ir-regola. Nemmen li l-plejers Maltin għandhom jingħataw il-preferenza fuq dawk barranin. Wara kollox il-livell ta’ dawn il-barranin mhux dejjem ikun tajjeb. Wara kollox dawn it-tfal u żgħażagħ Maltin li telgħin iridu jsibu spazju. Meta int iġġib plejer barrani trid tieħu ħsieb ittih karozza, appartament u kull ħaġa li jiġi bżonn. Nemmen għalhekk li rridu nieħdu ħsieb il-plejers lokali għax dawn tajbin daqs il-barranin. 

Hawn min jgħid li l-futbol Malti hu marid. Taqbel ma’ din l-opinjoni?

Ma naqbel xejn. Rajna spettaklu anzi f’dawn l-aħħar żewġ staġuni fejn il-kampjonat kellu jiġi deċiż fl-aħħar ġurnata. Forsi nasal biex ngħid li qed nonqsu fl-attendenza anke għax ġieli qed ikollna logħbiet medjokri. F’kull tim għandek seba’ barranin u dik naraha bħala problema. 

Xi tgħidli dwar l-istadiums fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Nemmen li grawnds bħall-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u l-Hibernians Stadium huma ferm tajbin. Iċ-Centenary Stadium mhux ħażin u għalkemm inbidel it-turf li hu wieħed tajjeb, meta jaqbel ir-riħ jeffettwa ħafna l-kontroll tal-ballun. Rigward il-Victor Tedesco Stadium ma tantx inħobb nilgħab hemmhekk. 

X’taħseb dwar il-livell ta’ refereeing matul dan l-istaġun?

Naħseb li kien livell tajjeb. 

Tikkonsidra li xi darba tiġi msejjaħ mat-tim nazzjonali Malti?

Onestament ma tantx naħseb fuq din l-eventwalità. Jekk il-kowċ nazzjonali jidhirlu li għandu jsejjaħli merbħa bih madankollu jien dejjem naħseb sabiex nagħti l-mija fil-mija tiegħi meta ninżel nilgħab. Hekk għamilt fil-logħba finali tat-trophy u ħriġt bl-unuri.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ finali lill-partitarji ta’ Balzan FC li minkejja li huma żgħar fin-numru, għandhom qalb kbira.

Nixtieq nirringrazzjahom ħafna għax kienu magħna speċjalment fl-aħħar partiti deċiżivi tat-trophy. Biex ġie dan l-unur kellna ngħaddu minn ħafna taqtigħ il-qalb speċjalment matul dan l-istaġun li xejn ma kien faċli. Madankollu huma baqgħu magħna u kburin ħafna bħala plejers li tajnihom sodisfazzjon. Inħeġġiġhom biex jibqgħu magħna anke matul l-istaġun li ġej. 

 

More in Lokali