Aġenzija ġdida kontra l-korruzzjoni fl-Isport
Il-Gvern bi pjan sabiex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport tiġi taħt saqaf wieħed
Din il-gazzetta tista’ tiżvela li l-Gvern qiegħed jaħdem sabiex iwaqqaf aġenzija ġdida li se tkun qiegħda tiġġilied kontra l-korruzjoni fl-isport lokali.
Din l-aġenzija li hi l-ewwel tax-xorti tagħha se tkun qed tiċċentralizza l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport u b’hekk tkun responsabbli mill-integrità wiesgħa tal-isport kollu lokali.
Fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ din l-aġenzija se jkun hemm il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u manipulazzjoni ta’ logħob u l-problema kbira ta’ doping f’Malta.
Apparti minn hekk, il-Gvern permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Isport qiegħed ilaqqa’ l-partijiet interessati kollha sabiex tifforma din l-aġenzija. Fost l-oħrajn, il-mudell li addotaw il-Finlandja qiegħed iservi bħala punt ta’ referenza għall-konsulenti Maltin.
L-ILLUM tinsab informata wkoll li l-akbar sfida f’dan l-proċess huwa li l-ġlieda fil-korruzzjoni tal-isport timxi lil hinn minn sempliċiment futbol u tibda tinkludi wkoll id-doping li hi mifruxa sew fl-isport.
Apparti minn dan, l-aġenzija se tkun responsabbli minn diversi programmi edukattivi sabiex jedukaw u jbiegħdu l-pubbliku minn prattiċi illeċiti u oħrajn li jafu jkunu ta’ detriment għas-saħħa pubblika.
Ta’ min jinnota wkoll li din l-aġenzija se tiġi fformulata fuq provediment ċar li kien iddaħħal fil-liġi tal-korruzzjoni fl-isport li l-Gvern fassal fl-2017.
Fl-aħħar xhur, din il-gazzetta żvelat diversi stejjer esklussivi dwar il-problema ta’ korruzzjoni u n-nuqqas ta’ integrità fl-isport lokali.
Fost l-oħrajn ix-xahar illi għadda f’sensiela ta’ rapporti investigativi, l-ILLUM żvelat dettalji dwar il-produzzjoni illegali ta’ steroids anaboliċi f’Malta.
Sorsi viċin din l-industrija illegali mal-ILLUM żvelaw dettalji ġodda u esklussivi dwar il-produzzjoni metikoluża tal-isteroids illegali li jinbiegħu forma ta’ pilloli. Żvelajna wkoll li l-pilloli li qed jiġu mmanifatturati b’mod illegali huma: Dina-balls, Stanazolol u Anavar.
Apparti minn hekk, l-ILLUM kienet żvelat diversi każi ta’ tixħim fil-logħob tal-futbol lokali fosthom dwar ir-rabta bejn il-kriminalità organizzata Ażjatika u individwi Maltin imdaħħlin fix-xena tal-futbol lokali li jbagħbsu l-logħob tal-futbol.