Charlton Debono b’rekord nazzjonali ġdid għan-Nofs Maratona
Debono rringrazzja lill-isponsors tal-klabb, speċjalment lil AQA Capital u l-kowċ tal-klabb, Has Kesra.
Wieħed mill-aqwa atleti Maltin, Charlton Debono għadu kif irreġistra rekord nazzjonali ġdid għan-Nofs Maratona, meta, għat-tielet darba, kiser ir-rekord nazzjonali tiegħu stess tal-Nofs Maratona ta’ Malta b’minuta u 25 sekonda.
Ir-rekord nazzjonali ġie rreġistrat matul id-29th Valencia Half-Marathon Trinidad Alfonso EDP, b’parteċipazzjoni rekord ta’ aktar minn 17,000 atleta. Charlton Debono, li huwa għalliem minn Għawdex, spiċċa t-tellieqa f’1:07:46”. “Dan ir-riżultat huwa dak li tħarriġt għalih” qal ftit tal-ħin wara li ntemmet it-tellieqa. “Tajt l-aħjar tiegħi, u spiċċajt it-telliqea b’2.54 minuta fl-aħħar kilometru. In-Nofs Maratona ta’ Valencia kienet bla dubju l-aqwa prestazzjoni tiegħi sal-lum, ġurnata sabiħa li se nibqa’ niftakar.”
Debono, li riċentament ingħaqad ma’ Evolve Endurance Club, qal li din kienet ġurnata sabiħa ħafna għall-klabb. Ħdax-il atleta ieħor mill-istess klabb, ipparteċipaw ukoll fil-maratona b’riżultati tajbin.
Debono rringrazzja lill-isponsors tal-klabb, speċjalment lil AQA Capital u l-kowċ tal-klabb, Has Kesra.
Fl-ewwel ta’ Diċembru li ġej, Charlton Debono se jkun qed jerġa’ jitla’ Valencia, din id-darba biex jieħu sehem għall-ewwel darba tiegħu, fil-Maratona.