'Dan ir-rekord nazzjonali ifisser ħafna għalija' - Charlton Debono
Charlton Debono jikser rekord stabbilit għal 22 sena fit-tellieqa 'Mdina to Spinola'
L-atleta ta’ Evolve Endurance Club Charlton Debono irnexxilu jikser ir-rekord tal-edizzjoni ta’ din is-sena tat-tellieqa Mdina to Spinola, billi spiċċa t-tellieqa fi 52.26 minuta, jikser ir-rekord b’81 sekonda u jirbaħ it-tellieqa bi kważi 4 minuti.
It-tellieqa tradizzjonali, Mdina to Spinola, ikkunsidrata bħala waħda mill-iżjed tlielaq popolari fil-kalendarju Malti tal-ġiri, saret nhar il-Ħadd 22 ta’ Diċembru, 2019.
L-istess rotta ilha tintuża u ma nbidlitx sa mill-1979. Hija meqjusa bħala l-eqdem tellieqa f’Malta b’distanza ta’ 10.6 mil jew 17.1 km. Ir-rotta tibda minn barra l-Imdina u tispiċċa fi Spinola. Ir-rekord ta’ din it-tellieqa kien ilu stabbilit għal ħafna snin.
Kevin Zammit stabbilixxa ħin ta’ 53.47 minuta fl-1997 filwaqt li r-rekord tan-nisa, 59.59 minuta, kien stabbilit minn Carol Galea (Walsh) fl-2000. “Fil-ġimgħat qabel it-tellieqa, kont naf li qiegħed f’forma tajba. Tlaqt mill-ewwel b’pass mgħaġġel u bażikament ġrejt it-tellieqa kollha waħdi. Dan ir-rekord, flimkien maż-żewġ rekords nazzjonali oħrajn li għamilt f’dawn l-aħħar xahrejn, ifissru ħafna għalija”, qal Debono.
“Ħadt pjaċir nara lil Kevin, ġentlom ta’ vera, jixtieqli kull suċċess qabel it-tellieqa u jagħtini l-apoġġ tiegħu matul l-aħħar kilometru. Bħal dejjem, nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi għas-sapport, lill-kowċ Has Kesra għall-gwida tiegħu u l-klabb Evolve.”