Illum hija ġurnata kruċjali kemm għar-Renju Unit iżda anke għall-Unjoni Ewroepa kollha kemm hi u dan hekk kif il-Brittaniċi qed jivvutaw f’elezzjoni ġenerali.
Din hija l-ewwel elezzjoni ġenerali li qed issir f’Diċembru f’100 sena u ssegwi dawk li saru fl-2015 u fl-2017.
Il-postijiet tal-votazzjoni, f’650 kostitwenza madwar l-Ingilterra, Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq fetħu dalgħodu fit-8:00am.
Il-votazzjoni tagħlaq illejla fil-11:00pm, bl-għadd tal-voti jibda minnufih. L-ewwel indikazzjoni tar-riżultat mistenni jitħabbar fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa filgħodu.
Total ta’ 650 Deputat iridu jiġu eletti biex ikun iffurmat il-Parlament ġdid Ingliż.
Kien f’Ottubru li għadda li l-Parlament Ingliż vvota favur elezzjoni ġenerali bikrija u dan wara li baqa’ ma approvax il-ftehim innegozjat bejn il-Gvern Ingliż u l-Unjoni Ewropea għal Brexit.
Il-Parlament Ingliż ilu xhur jiddiskuti u jivvota bil-għan li Brexit fl-aħħar iseħħ. Madanakollu kemm il-ftehim li nnegozjat Theresa May u anke dak innegozjat minn Johnson dejjem weħel f'Westminister.
Kien dan li wassal lil Boris Johnson biex isejjaħ elezzjoni bikrija għax fi kliemu ma jistax ikun li l-Parlament Ingliż jibqa’ jżomm ostaġġ lir-Renju Unit.
Brexit suppost se jseħħ fl-aħħar ta’ Jannar 2020. Boris Johnson irid li Brexit iseħħ malajr kemm jista' jkun, iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn irid it-tieni referendum, anke jekk baqa' ma qalx jekk jivvotax favur jew konta.
L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika jpoġġi lill-Partit ta’ Boris Johnson fuq quddiem li jirbaħ din l-elezzjoni.
Id-distakk bejn il-Konservattivi u l-Laburisti huwa ta’ 9%. Anke jekk mhux żgħir, id-distakk naqas ħafna fl-aħħar ġimgħat u dan meta wieħed jikkunsidra li l-Konservattivi telqu b’vantaġġ ta’ 14%.