Il-film mill-Korea ta’ Isfel ‘Parasite’ kiteb l-istorja hekk kif sar l-ewwel film mhux bl-Ingliż li rebaħ l-Oscar għall-aqwa film tas-sena.
B’kollox, ‘Parasite’ rebaħ erba’ Oscars filwaqt li l-film ‘1917’ ta’ Sir Sam Mendes rebaħ tlieta.
Bong Joon-ho rebaħ ukoll lil Sir Sam bħala l-aqwa direttur.
Dan il-film jista’ jissejjaħ bħala satira soċjali u jitratta żewġ familji, minn klassijiet soċjali differenti, li jgħixu f’Seoul, waħda fqira li tgħix f’semi-basement u l-oħra familja sinjura li tgħix f’dar kbira.
Renee Zellweger rebħet l-aqwa attriċi għall-parti ta’ Judy Garland li ħadmet fil-film Judy, filwaqt li Joaquin Phoenix rebaħ l-Oscar għall-aqwa attur bis-saħħa ta’ ‘Joker.’
Brad Pitt u Laura Dern ukoll ħadu Oscar għall-parti tagħhom fil-films ‘Once Upon A Time in Hollywood’ u ‘Marriage Story’ rispettivament.