Trump jgħid li s-setgħa qiegħda f’idejn ir-Russja fejn jidħlu n-negozjati għall-paċi

Il-President tal-Amerka jemmen li r-Russja tixtieq twaqqaf il-gwerra u li hi għandha s-setgħa tagħmel dan peress li ħatfet ħafna territorju

Il-President tal-Amerka Donald Trump (Ritratt: X/@realDonaldTrump)
Il-President tal-Amerka Donald Trump (Ritratt: X/@realDonaldTrump)

Donald Trump esprima t-twemmin tiegħu li r-Russja għandha x-xewqa li twaqqaf il-gwerra li bdiet hi stess tliet snin ilu.

“Nemmen li r-Russi jixtiequ li l-gwerra tintemm, nemminha sew. Naħseb il-karti qegħdin naqra f’idejhom għax ħatfu ħafna territorju. Huma għandhom il-karti,” qal Trump lill-BBC.

Dawn il-kummenti ta’ Trump seħħew ftit ta’ sigħat wara li qamu tensjonijiet kbar bejn il-President tal-Amerka u l-President tal-Ukranja.

Fil-fatt, Zelensky akkuża lil Trump li qed jgħix “fl-ispażju tad-diżinformazzjoni” li ħalqu r-Russi. Min-naħa tiegħu, il-mexxej Amerikan irreaġixxa u qal li l-mexxej Ukren huwa “dittatur” minħabba li suppost kien hemm elezzjoni Ukrena f’Mejju 2024.

Iżda l-elezzjonijiet ma seħħewx għax il-pajjiż bħalissa jinstab taħt liġi marzjali u b’hekk l-elezzjonijiet huma sospiżi.

Il-kummenti u l-attitudni ta’ Trump qed iħassbu u jaqilgħu kritika minn diversi mexxejja Ewropew, inkluż il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz li rrimarka, “huwa perikoluż u ħażin li tiċħad il-leġittimità demokratika tal-President Zelensky.”

More in Barranin