Trump: 'Dak li jsalva ‘l pajjiżu ma jikser l-ebda liġi'

Il-President tal-Amerka Donald Trump jgħid li l-mexxej ta' pajjiż ma jistax jintmess mil-liġi

(Ritratt: X/@realDonaldTrump)
(Ritratt: X/@realDonaldTrump)

Il-President tal-Amerka Donald Trump, f’imitazzjoni ta’ Napuljun Bonaparte, irrikorra għall-midja soċjali biex juri li ħa jibqa’ jirreżisti kwalunkwe limitazzjoni fuq is-setgħa eżekuttiva tiegħu hekk kif kompli jisfida bosta liġijiet fil-qrati Amerikani.

“Dak li jsalva ‘l pajjiżu ma jikser l-ebda liġi,” stqarr ir-Republikan Trump fuq Truth Social, il-pjattaforma soċjali tiegħu. Il-frażi, attribwita lill-mexxej militari Franċiż li ħalaq il-Kodiċi Napoljoniku tal-liġi ċivili fl-1804 eżatt qabel ma ddikjara lilu nnifsu imperatur, immedjatament qalgħat kritika mid-Demokrati.

“Qalha eżatt bħala dittatur ta’ veru,” kiteb is-Senatur Adam Schiff ta’ Kalifornja, avversarju ta’ Trump, fuq X. Trump, li laħaq President tal-Istati Uniti fl-20 ta’ Jannar, bħalissa qiegħed involut f’numru ta’ kawżi li jakkużawh li użurpa l-awtorità tal-Kungress.

Filwaqt li Trump qal li qed jimxi mas-sentenzi tal-qrati, il-konsulenti tiegħu attakkaw membri tal-ġudikatura fuq il-midja soċjali u ddenunzjawhom. Il-Viċi President JD Vance kiteb fuq X dil-ġimgħa li l-imħallfin “mhumiex permessi jikkontrollaw is-setgħa leġittima tal-eżekuttiv.”

L-avukat Norm Eisen, li bħal Schiff ħadem fuq l-ewwel miż-żewġ każijiet ta’ denunzja ta’ Trump, qal l-avukati ta’ Trump kemm-il darba ppruvaw jargumentaw li jekk il-president jagħmel xi ħaġa, mela mhix illegali. Il-qawl ta’ Napuljun, qal, tiskuża atti illegali.

Il-konvinzjoni ta’ Trump li qed jaħdem biex isalva lill-pajjiż joħroġ biċ-ċar f’kif jiddeskrivi s-salvazzjoni tiegħu mill-attentat assassinju fuqu; fil-fatt jgħid li l-Mulej salvah mill-attentat fuq ħajtu Lulju li għadda.

“Ħafna nies qaluli li Alla salvali ħajti għal raġuni, u dik ir-raġuni hi biex jien insalva l-pajjiż u nerġa’ nġib il-pajjiż fuq saqajh,” qal Trump wara r-rebħa elettorali tiegħu.

More in Barranin