Il-Vatikan qed jipprepara biex jagħti l-aħħar tislima lill-Papa Franġisku, li miet l-għada tal-Għid ta’ 88 sena, fil-residenza tiegħu f’Casa Santa Marta.
Il-funeral tiegħu se jsir nhar is-Sibt, 26 ta’ April 2025, fl-10:00 ta’ filgħodu f’Pjazza San Pietru, u se jkun presedut mill-Kardinal Giovanni Battista Re.
Il-ġisem tal-Papa se jkun espost għall-pubbliku fil-Bażilika ta’ San Pietru minn nhar l-Erbgħa, 23 ta’ April, sabiex kull min irid ikun jista' jagħti l-aħħar tislima lill-Papa li għal ħafna kien simbolu ta’ bidla u kumpassjoni.
Il-Papa Franġisku, magħruf għall-umiltà u s-sempliċità tiegħu, talab għall-istess approċċ għall-funeral tiegħu. Hu se jkun midfun f’kaxxa tal-injam sempliċi, fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maġġuri f’Ruma – differenti mit-tradizzjoni tal-Vatikan, fejn is-soltu l-papiet jindifnu taħt il-Bażilika ta’ San Pietru.
Il-Vatikan qal li se jiġi osservat in-novendiale, jiġifieri perjodu ta’ disat ijiem ta’ talb u luttu. F'dawn il-ġranet, se jkun hemm diversi quddisiet, kif ukoll riflessjonijiet fuq il-ħajja u l-missjoni pastorali tal-Papa Franġisku.
Il-funeral mistenni jattira eluf ta’ pellegrini u kredenti minn madwar id-dinja, kif ukoll għadd ta’ mexxejja internazzjonali. Il-President Amerikan Donald Trump u l-President Arġentin Javier Milei diġà kkonfermaw l-attendenza tagħhom.
Intant, il-Kulleġġ tal-Kardinali, magħmul minn 135 elettur taħt l-età ta’ 80 sena minn 71 pajjiż, se jinġabar fil-Kappella Sistina biex jibda l-konklavi sabiex jintgħażel il-papa l-ġdid. Skont ir-riformi introdotti mill-Papa Franġisku fl-2024, il-konklavi jista' jibda aktar kmieni jekk il-kardinali kollha jkunu preżenti.
Ladarba jintgħażel papa ġdida, duħħan abjad joħroġ miċ-ċumnija tal-kamra tal-konklavi, li jservi ta' sinjal għall-kattoliċi madwar id-dinja: “Habemus Papam” – għandna Papa ġdid.
Il-mewt ta’ Papa Franġisku ħalliet bosta b’qalbhom maqsuma. Kien meqjus bħala Papa reformista, li rreveda l-istruttura interna tal-Knisja u dejjem wera solidarjetà mal-foqra u l-immarġinalizzati tas-soċjetà. Il-memorja tiegħu se tibqa’ bħala waħda ta’ ġustizzja soċjali, umiltà, u tjubija bla qies.