Il-Papa jsejjaħ għal waqfien mill-ġlied f’Gaża fid-diskors tal-Għid tiegħu

Il-Papa jikkundanna l-kriżi umanitarja f’Gaża u jappella għall-paċi bejn il-popli Iżraeljan u Palestinjan

Il-Papa Franġisku jagħti d-diskors tal-Għid tiegħu  (Ritratt: VATICAN MEDIA Divisione Foto)
Il-Papa Franġisku jagħti d-diskors tal-Għid tiegħu (Ritratt: VATICAN MEDIA Divisione Foto)

Il-Papa Franġisku talab għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Gaża waqt id-diskors tal-Għid tiegħu; fl-istess waqt ikkundanna l-kriżi umanitarja serja li qed isseħħ fil-Palestina minħabba l-kampanja militari tal-Iżrael.

“Nappella kull min hu involut fil-kunflitt: waqqfu l-ġlied, eħilsu lill-ostaġġi, u agħtu l-għajnuna lil poplu bil-ġuħ għal futur ta’ paċi,” qal il-Papa waqt id-dehra qasira tiegħu fil-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Il-Papa, li għandu 88 sena, bħalissa qed inaqqas l-ammont ta' xogħol li qed jagħmel fuq parir mediku wara każ serju ta’ pulmonite doppja u kumplikazzjonijiet fil-kliewi li żammewh l-isptar għal ħames ġimgħat. Minħabba f'hekk mhux hu mexxa l-Quddiesa tal-Għid fil-Vatikan iżda deher fit-tmiem tagħha għall-barka u l-messaġġ “Urbi et Orbi” (lill-belt u lid-dinja).

Il-messaġġ ma nqarax mill-Papa nnifsu iżda minn assistent tiegħu, waqt li l-Papa baqa’ wieqaf quddiem eluf miġbura fi Pjazza San Pietru.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa kkundanna s-“sitwazzjoni umanitarja kundannabbli” f’Gaża u esprima s-solidarjetà tiegħu kemm mal-poplu Iżraeljan kif ukoll mal-poplu Palestinjan. Huwa sejjaħ ukoll lill-moviment Palestinjan Ħamas biex jeħles lill-ostaġġi li għadhom f’idejhom, u wissa dwar żieda fl-antisemitiżmu madwar id-dinja.

Iktar m'għadda żmien, iktar il-Papa Franġisku beda jitkellem dwar il-kunflitt f’Gaża, tant li sejjaħ is-sitwazzjoni bħala “serja ħafna u tal-mistħija” aktar kmieni f’Jannar.

More in Barranin