Issa li miet il-Papa, x'se jiġri?

Frank Zammit, l-Ambaxxatur ta' Malta għall-Vatikan, tkellem mal-gazzetta MaltaToday, il-gazzetta oħt ta' ILLUM, fejn qal li l-Papa Franġisku kien 'riformist' li biddel il-knisja bl-ideat tiegħu

Il-mewta tal-Papa Franġisku tħabbret l-għada tal-Għid, ġurnata wara li deher quddiem eluf ta' nies li nġabru fil-pjazza ta' San Pietru għall-Quddiesa tal-Għid.

Il-Papa, li kellu 88 sena, miet fir-residenza tiegħu, il-Casa Santa Marta fil-Vatikan.

F'kumment li ta lill-MaltaToday, il-gazzetta oħt ta' ILLUM, l-Ambaxxatur ta' Malta għas-Santa Sede Frank Zammit qal li l-mewta tal-Papa kienet "sorpriża kerha."

“Kont għadni kif rajtu lbieraħ, u allura l-aħbar ta’ mewtu dalgħodu kienet xokk,” qal Zammit. “Iżda kien jidher debbli għal xi żmien issa.”

L-ambaxxatur Frank Zammit
L-ambaxxatur Frank Zammit

Zammit iddeskriva lill-Papa bħala riformist, tant li bena mill-ġdid numru ta' aspetti kruċjali fil-Knisja Kattolika. Barra minn hekk, kien dejjem lest biex jgħin lill-ifqar u l-iktar magħkusin tas-soċjetà.

Issa x'se jiġiri?

Wara l-mewt tal-Papa, il-Kardinal Kevin Farrell, li jiġi l-Kamerlengo ta-Knisja Kattolika, ikkonferma uffiċjalment il-mewt tiegħu u ssiġilla l-kamra privata tal-Papa.

Iċ-ċurkett u s-siġill tal-Papa se jinqerdu biex jiġi evitat l-abbuż. Mil-lum beda l-perjodu ta’ disgħat ijiem ta’ luttu, magħruf bħala n-novendiale. Il-ġisem tal-Papa Franġisku se jkun espost fil-Bażilika ta’ San Pietru sabiex il-poplu jkollu ċ-ċans jagħtih l-aħħar tislima.

Skont ix-xewqa tiegħu, se jindifen fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maġġuri f’Ruma, mhux taħt il-Bażilika ta’ San Pietru kif inhi l-prattika tradizzjonali.

Il-funeral tiegħu mistenni jsir minn hawn sa erba' jew sitt ijiem oħra, u se jkun ippresedut mill-Kardinal Giovanni Battista Re, Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali.

Il-Konklavi: Leħen il-Papa l-ġdid

Il-Kulleġġ tal-Kardinali, li jinkludi 138 kardinal taħt l-età ta’ 80 sena minn 71 pajjiż, se jiltaqa’ fil-Kappella Sistina għall-Konklavi biex jeleġġi l-papa l-ġdid.

Tradizzjonalment, il-Konklavi jibda bejn 15 u 20 jum wara l-mewt tal-Papa, iżda riforma introdotta mill-istess Papa Franġisku fl-2024 tippermetti li jista' jibda aktar kmieni jekk il-kardinali kollha jkunu diġà preżenti. Il-votazzjoni ssir fil-moħbi, u hemm bżonn maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jintgħażel il-papa.

Meta jintagħżel il-papa l-ġdid, dħaħen bojod jitilgħu miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina biex juru li ntlaħqet deċiżjoni. Il-papa l-ġdid imbagħad jiġi ppreżentat mill-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru permezz tal-proklamazzjoni tradizzjonali, Habemus Papam – “Għandna Papa”, u jagħti l-ewwel barka tiegħu lill-poplu.

More in Barranin