Il-Ħamas għadha kif tat lura l-katavri ta’ erba’ ostaġġi li nħatfu mill-grupp fl-attakk tas-7 t’Ottubru, 2023.
Fost l-ostaġġi hemm il-ġisem tal-omm Shiri Babas u ż-żewġt itfal tagħha, Ariel ta’ erba’ snin u Kfir ta’ 9 xhur. Missierhom, Yarden Babas, kien inħeles fl-1 ta’ Frar bħala parti mill-ftehim tal-waqfien mill-ġlied li sar bejn l-Iżrael u l-Ħamas. L-aħħar ostaġġ huwa Oded Lifshitz, ġurnalist u attivist ta’ 84 sena.
Din hija l-ewwel darba li l-grupp Iżlamiku ta lura ostaġġi mejtin minn mindu beda l-waqfien mill-ġlied.
Il-Ħamas stqarret li dawn l-ostaġġi mietu minħabba l-attakki tal-ajru mill-Iżrael, iżda ma tawx evidenza li tikkonferma l-istqarrija. L-Iżrael, min-naħa tagħhom, ma tixtieqx tikkonferma l-kawża tal-mewt qabel ma tagħmel eżaminazzjoni forensika fuq l-iġsma.
Sitt ostaġġi oħra, din id-darba ħajjin, suppost għandhom jiġu rilaxxati s-Sibt li ġej.
Sħaba ta’ niket waqgħet fuq l-Iżrael hekk kif l-ostaġġi waslu lura l-Iżrael f’erba’ twiebet sewda.
Fil-fatt, il-Prim Ministru tal-Iżrael Benjamin Netanyahu stqarr li hija “ġurnata iebsa ħafna għall-istat tal-Iżrael,” filwaqt li l-President Isaac Herzog qal li “l-qlub tan-nazzjon kollu mqatta’ trietaq” u talab għal “maħfra talli ma pproteġejnikomx.”