Bernie Sanders rebaħ il-primarji f’New Hampshire hekk kif tkompli t-taqtiegħa biex jintagħżel il-kandidat Demokratiku li se jkun qed itellaq kontra l-President Donald Trump bil-għan li jeħodlu postu.
Sanders saħaq li r-rebħa tiegħu hija “l-bidu tat-tmiem” għal Trump.
Ir-riżultat kien ifisser disfatta kbira għall-eks Viċi President Amerikan Joe Biden li sa issa, fis-sondaġġi, dejjem kien il-kandidat favorit tad-Demokratiċi biex jegħleb lil Trump.
Fil-fatt, Biden spiċċa fil-ħames post.
Sanders rebaħ bi ftit aktar voti minn Pete Buttigieg, il-kandidat ta’ dixxendenza Maltija, li qed iżid fil-popolarità tiegħu.
F’din l-elezzjoni vvotaw madwar 280,000 votant, b’Sanders jaqbeż lil Buttigieg b’4,300 vot biss. Buttigieg rebaħ il-primarji li saru l-ġimgħa li għaddiet f’Iowa.
It-tiġrija tkompli fit-22 ta’ Frar f’Nevada.
Fit-3 ta’ Marzu jsir wkoll l-elezzjonijiet fi 15-il stat u territorji f’dak magħruf bħala Super Tuesday li jagħti indikazzjoni ċara ta’ min se jkun il-kandidat tad-Demokratiċi għall-elezzjonijiet presidenzjali.
Il-kandidat Demokratiku għall-Presidenza tal-Istati Uniti jintagħżel f'Lulju.