Pete Buttigieg jirtira mit-tellieqa għall-White House
Buttigieg il-kandidat ta’ dixxendenza Maltija ħa din id-deċiżjoni wara li spiċċa fir-raba' post fil-primarji f'South Carolina
More in Barranin
Buttigieg il-kandidat ta’ dixxendenza Maltija ħa din id-deċiżjoni wara li spiċċa fir-raba' post fil-primarji f'South Carolina
Pete Buttigieg, il-kandidat ta’ dixxendenza Maltija għall-Presidenza tal-Istati Uniti ħareġ mit-tellieqa għall-White House kważi sena wara li beda jikkampanja.
Il-kampanja ta’ Buttigieg bdiet tajjeb ħafna u mill-ewwel għamel ħoss iżda fl-aħħar ġimgħat, fil-primarji ma kisibx ir-riżultati meħtieġa.
Buttigieg ħabbar li qed jirtira mit-tellieqa ftit sigħat biss qabel votazzjoni importanti ħafna għada, magħrufa bħala Super Tuesday, li tista’ tgħid tissiġġila t-tellieqa fost il-kandidati Demokratiċi biex jintagħżel il-kandidat li se jipprova jieħu post il-President Donald Trump.
Fil-fatt, għada, erbatax-il stat se jkun qed jivvota għall-kandidat favorit. Is-sondaġġi qed jindikaw li Bernie Sanders mistenni jirbaħ dawn l-elezzjonijiet u għalhekk ikun il-kandidat favorit Demokratiku.
Wara li rtira Buttigieg, issa fadal sitt kandidati, jiġifieri Joe Biden, Bernie Sanders, Michael Bloomberg, Elizabeth Warren, Amy Kobluchar u Tulsi Gabbard.
Huwa u jindirizza lill-partitarji tiegħu, fejn ħabbar id-deċiżjoni li jirtira, Buttigieg tkellem dwar il-valuri li ppromova tul il-kampanja tiegħu u qal li l-aħjar mod kif bħalissa jista’ jimbuttahom ‘il quddiem hija li jirtira mit-tellieqa u jgħin biex il-partit Demokratiku u l-pajjiż jingħaqad.
Insista li se jkompli jaħdem biex jassigura li l-kandidat Demokratiku jirbaħ lill-President Trump f’Novembru li ġej.
Intant, fuq Twitter, l-eks Viċi President Amerikan u l-kandidat Joe Biden faħħar id-deċiżjoni ta’ Buttigieg u anke l-kampanja li mexxa.
Kontra kull sondaġġ, Buttigieg rebaħ, anke jekk bi ftit voti, l-ewwel primarji f’Iowa fit-3 ta’ Frar iżda ma rnexxilux jikseb l-istess suċċessi u jirbaħ biżżejjed delegati fi stati oħra.
Is-Sibt li għadda huwa spiċċa fir-raba’ post bi ftit voti biss, f’South Carolina.