Ħarsa madwar l-Ewropa hekk diversi pajjiżi jkomplu jerħu r-restrizzjonijiet

Ir-restrizzjonijiet bdew jew se jibdew ikunu llaxkati anke fl-aktar pajjiżi affettwati

Diversi pajjiżi Ewropej jinsabu lesti biex jibdew jerħu l-lockdown li daħlu fis-seħħ biex jikkontrollaw l-imxija tal-COVID-19, filwaqt li xi oħrajn, inkluż ir-Renju Unit għad ma għandhom l-ebda intenzjoni li jerħu r-restrizzjonijiet.

L-aktar pajjiżi Ewropej affettwati, Franza, Spanja u l-Italja, kollha kemm huma rreġistraw ‘il fuq minn 20,000 vittma tal-virus iżda fl-aħħar jiem kienu qed jesperjenzaw numri iżgħar ta’ każi ġodda u mwiet.

Fil-Ġermanja, illum, se jkunu qed jinfetħu xi ħwienet żgħar. Il-Ġermanja kien wieħed mill-aktar pajjiżi Ewropej li rnexxielu jżomm taħt kontroll din l-imxija tant li minkejja li kellu ‘l fuq minn 135,000 każ, sa issa kienu 4,000 persuna li tilfu ħajjithom.

Minkejja li Franza kien wieħed mill-aktar pajjiżi milquta, tħejja pjan tentattiv biex l-iskejjel jiftħu fil-11 ta’ Mejju.

“Ma ħriġnix mill-kriżi iżda s-sitwazzjoni ftit ftit sejra aħjar,” saħaq il-Prim Ministru Franċiż Edouard Philippe.

Fi Spanja, it-tfal se jkunu jistgħu joħorġu jilagħbu barra mis-27 ta’ April u dan wara li kienu ilhom mill-14 ta’ Marzu maqfula f’darhom.

In-Norveġja se jkunu qed jiftħu mill-ġdid in-nurseries u n-nies se jkunu jistgħu joħorġu anke jekk xorta waħda ma jistgħux jinġemgħu fi gruppi.

Mis-27 ta’ April, fin-Norveġja wkoll, se jkunu qed jinfetħu l-iskejjel sekondarji u l-universitajiet.

X’inhu jiġri fl-Istati Uniti?

L-Istati Uniti jibqgħu l-agħar milquta mill-COVID-19 u lbieraħ l-għadd tal-persuni li tilfu ħajjithom kawża tal-virus qabeż l-40,000 persuna, b’1,997 persuni jmutu fl-aħħar 24 siegħa.

Intant, komplew il-battibekki bejn il-President Trump u anke l-Gvernaturi tal-Istati hekk kif diversi huma dawk li qed jopponu l-pjan ta’ Trump biex ikunu merħija r-restrizzjonijiet.

L-imxija tilħaq il-Palazz Presidenzjali tal-Afganistan

M’hemmx sinjur u lanqas fqir. 20 impjegat tal-Palazz Presidenzjali tal-Afganistan irriżultaw pożittiv għall-coronavirus skont rapporti fuq midja internazzjonali.

Għadu mhux magħruf jekk il-President Ashraf Ghani kienx f’kuntatt ma’ dawn l-impjegati u jekk sarulux testijiet.

Il-President għandu 70 sena u ftit tas-snin ilu kellu kanċer.

More in Barranin