Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson mistenni jlaqqa’ l-Kabinett tiegħu biex ikun deċiż x’restrizzjonijiet jistgħu jiġu rrilaxxati u dan hekk kif hu stess issuġġerixxa li min-nhar it-Tnejn stess xi restrizzjonijiet se jibdew jitneħħew.
Bil-liġi, il-Gvern irid jirrevedi r-restrizzjonijiet kull tliet ġimgħat u għalhekk illum imiss lill-kabinett biex jiddeċiedi dwar it-triq ‘il quddiem.
Johnson mistenni jindirizza lin-nazzjon nhar il-Ħadd li ġej biex jispjega l-fażi li jmiss tal-lockdown, b’rapporti jisħqu li l-Gvern Ingliż jinsab lest biex jerġa’ jqabbad ir-ritmu lill-ekonomija tal-pajjiż.
Intant, Downing Street saħqet li mhux se jkun il-każ li l-lockdown jintemm f’salt iżda se jkun l-ewwel pass biex il-poplu jibda jipprepara biex jgħix “normal differenti.”
L-għadd tal-imwiet fir-Renju Unit huwa l-akbar wieħed fl-Ewropa, aktar mil-Italja u Spanja hekk kif sa issa l-pandemija ħalliet aktar minn 30,000 vittma.
B’kollox, fir-Renju Unit, kien hemm aktar minn 201,000 każ ta’ COVID-19.