Mil-lum aktar pajjiżi Ewropej ikomplu jerħu aktar restrizzjonijiet

L-Italja lbieraħ kellha l-inqas għadd ta’ imwiet minn meta l-pajjiż ingħalaq kompletament f'Marzu

L-Italja u Spanja huma fost numru ta’ pajjiżi oħra Ewropej li mil-lum komplew inaqqsu r-restrizzjonijiet li imponew biex jikkontrollaw l-imxija tal-COVID-19.

Ħafna negozji fl-Italja, inkluż il-bars u r-ristoranti, se jkunu jistgħu jiftħu l-bibien tagħhom wara aktar minn xahrejn magħluqa.

Spanja se tkun qed tnaqqas ir-restrizzjonijiet barra Madrid u Barċellona fejn saħanistra persuni se jkunu jistgħu jinġabru fi gruppi ta’ mhux aktar minn 10 persuni.

Dawn il-miżuri tnaqqsu hekk kif iż-żewġ pajjiżi baqgħu jaraw tnaqqis fl-għadd tal-vittmi, bl-Italja, ilbieraħ ikollha l-inqas għadd ta’ imwiet minn Marzu.

Fil-fatt, ilbieraħ, fl-Italja mietu 145 persuna, numru baxx ħafna meta wieħed iqabblu mad-900 persuna li mietu fis-27 ta’ Marzu.

X’se jkun qed jiftaħ?

Ir-ristoranti, il-bars, il-kafetteriji, il-hairdressers u ħwienet oħra se jkunu qed jiftħu mill-ġdid il-bibien tagħhom anke jekk taħt miżuri stretti ta’ social distancing.

Il-knejjes ukoll fetħu mill-ġdid il-bibien tagħhom għall-qudddies iżda kulħadd irid jilbes il-maskri u jpoġġi ‘l bogħod minn ħaddieħor. 

Minkejja dawn il-miżuri, l-awtoritajiet tas-saħħa qed javżaw li għadu kmieni wisq biex persuni jinġabru f’ġemgħat kbar.

Fi Spanja, il-maġġoranza tal-poplu se jkun ħareġ mil-lockdown sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

L-Ispanjoli se jkunu jistgħu jmorru ġo barijiet u anke ristoranti iżda jpoġġu biss fuq l-imwejjed barra u mhux ġewwa. Laqgħat mal-qraba jew ħbieb jistgħu jsiru sakemm il-ġemgħat ma jkunux akbar minn 10 persuni.

F’Madrid u Barċellona, fost oħrajn, il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ.

More in Barranin