Madwar 27,000 persuna tilfu ħajjithom kawża tal-COVID-19 fi Spanja u mil-lum il-pajjiż se jkun qed jibda għaxart ijiem ta’ luttu biex jitfakkru dawn il-vittmi.
Il-bnadar se jkunu qed jittajru mezzalasta fuq aktar minn 14,000 binja pubblika madwar il-pajjiż u anke fuq il-bastimenti kollha navali sal-5 ta’ Ġunju.
Ir-Re Filippu VI, bħala l-Kap tal-Istat, se jkun qed jippresiedi ċerimonja solenni li se tkun qed tfakkar lil dawn il-vittmi hekk kif il-pajjiż joħroġ mil-lockdown ftit ftit.
“Il-vittmi huma rġiel u nisa li ħajjithom inħasdet bħal sajjetta fil-bnazzi, bi ħbieb u qraba għadhom ma jistgħux jemmnu, kemm għax il-mewt ġiet fuq il-qraba u l-ħbieb tagħhom f’salt u anke minħabba ċ-ċirkostanzi diffiċli li fiha seħħet,” saħqet il-kelliema tal-Gvern María Jesús Montero.
Il-partiti fl-Oppożizzjoni kienu qed jikkritikaw lill-Prim Ministru Pedro Sánchez għax il-Gvern kien għadu ma sellimx lil-vittmi.
L-għadd tal-mejta fi Spanja huwa l-ħames l-akbar fid-dinja wara l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Italja u Franza.
Skont l-awtoritajiet tas-saħħa, kien hemm xi mwiet li bi żball kienu ddikjarati li seħħew kawża tal-COVID-19 u għalhekk l-għadd tal-vittmi tnaqqas b’1,918-il persuna.