Il-Ministru għas-Saħħa Franċiż ħabbar miżuri ġodda restrittivi biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19 li anke fi Franza reġgħet għolliet rasha.
L-aktar miżuri restrittivi b’saħħithom se jkunu japplikaw għall-Marsilja u anke għall-gżira ta’ Guadeloupe fejn il-barijiet u r-ristoranti ġew ordnati jagħlqu min-nhar is-Sibt.
Il-Ministru Oliver Véran wissa li s-sitwazzjoni fil-pajjiż kollu “ddeterjorat ħafna.”
“Is-sitwazzjoni hija inkwetanti anke fl-isptarijiet fejn hemm aktar minn 6,000 persuna pożittiva għall-virus li tinsab rikoverata,” insista.
Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi qasmu l-mappa Franċiża f’kategoriji skont kemm hi qawwija l-imxija tal-virus u għal kull kategorija ġew introdotti miżuri restrittivi.
Restrizzjonijiet oħra se jkunu qed jaffettwaw bliet oħra kbar bħal Pariġiji, Lyon, Lille, Bordeaux, Toulouse u Nice.
Attivitajiet ippjanati ta’ aktar minn 1,000 persuna ma jistgħux isiru.
Apparti minn hekk, ġemgħat kemm fil-pubbliku u anke fil-privat ta’ aktar minn għaxar persuni, issa huma illegali.
Fl-istess bliet, il-barijiet u r-ristoranti se jibdew jagħlqu fl-10pm. Gyms u kumplessi sportivi se jkunu magħluqa għal kollox.