'Tal-mistħija' - Biden dwar il-fatt li Trump ma jridx li jikkonċedi t-telfa
Madankollu Biden beda bil-ħidma tiegħu fejn ilbieraħ kellu wkoll telefonati ma' wħud mill-mexxejja Ewropej
More in Barranin
Madankollu Biden beda bil-ħidma tiegħu fejn ilbieraħ kellu wkoll telefonati ma' wħud mill-mexxejja Ewropej
Joe Biden iddeskriva bħala tal-mistħija l-fatt li l-President Donald Trump qed jirrifjuta li jikkonċedi t-telfa.
Il-President-elett mill-ewwel beda b'xogħlu, tant li waqqaf, fost oħrajn, task-force kontra l-Covid-19 u l-effetti tiegħu u fl-aħħar jiem irrifjuta li jitkellem dwar Trump.
Madankollu, ilbieraħ Biden kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-kummenti ta' Trump li għadu qed jisħaq li rebaħ l-elezzjoni u li fl-aħħar mill-aħħar se jkollu t-tieni terminu bħala President Amerikan u dan hekk kif qed ikompli bil-battalja legali tiegħu kontra r-riżultat tal-elezzjoni u bl-allegazzjoni tiegħu ta' frodi f'diversi stati li tilef.
Biden saħaq ukoll li l-aġir ta' Trump mhux se jagħmel tajjeb għall-legat tiegħu. Insista li hu xorta waħda se jkompli b'xogħlu tant li anke kellu diversi telefonati ma' mexxejja internazzjonali.
Fil-fatt, ibieraħ Biden tkellem mal-Prim Ministri tar-Renju Unit Boris Johnson, mal-President Franċiż Emmanuel Macron u anke mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel.
Normalment, meta jintagħżel President ġdid, bħalissa l-President uxxenti jkun diġà stieden lill-President-elett biex idawru madwar il-White House u anke jkollu laqgħa privata miegħu.
Fil-fatt, dan iż-żmien ta' tranżizzjoni, sal-20 ta' Jannar meta jsir il-ġurament tal-President il-ġdid, huwa meqjusa importanti biex il-President-elett jilħaq isib saqajh biex malli jidħol fil-White House jkun jista' jibda jaħdem.
Sa issa, l-ebda stat għadu ma ċċertifika r-riżultat u hemm stati fejn għadu għaddej l-għadd tal-voti, anke minħabba l-fatt li Trump talab recount. Madanakollu huwa ċar li Biden rebaħ din l-elezzjoni.