Donald Trump għadu kemm ħalla l-White House għall-aħħar darba bħala President Amerikan hekk kif Joe Biden dalwaqt jieħu l-ġurament bħala President tal-Istati Uniti.
Trump ħalla l-White House, wara li sellem lill-ħaddiema abbord ħelikopter sal-ajruport minn fejn qabad l-Air Force One għal Florida.
Din se tkun l-ewwel darba, mill-1889, li President mhux se jkun preżenti għall-inawgurazzjoni tas-suċċessur tiegħu.
Intant, fl-aħħar diskors tiegħu bħala President, qabel qabad l-Air Force One, Trump insista li l-aħħar erba' snin kienu "mill-aqwa" għall-Istati Uniti u insista li l-amministrazzjoni l-ġdida se jkollha suċċess għax se ssib bażi ġodda.
Il-Viċi President Mike Pence, ma kienx preżenti biex isellem lil Trump u se jkun qed jattendi għaċ-ċerimonja tal-ġurament tal-President u l-Viċi President il-ġdid.
Din se tkun l-ewwel darba wkoll li l-pubbliku mhux se jkun jattendi għall-inawgurazzjoni tal-President il-ġdid, iżda minflok tpoġġew mijiet ta' bnadar biex jirrappreżentaw lill-Amerikani.
Madwar 25,000 suldat se jkunu qed jgħassu ċ-ċerimonja wara l-irvellijiet fatali fuq il-Capitol ftit tal-jiem ilu.