Maskri, tibdil fil-klima u immigrazzjoni; L-ewwel deċiżjonijiet tal-President Amerikan Joe Biden
Fl-ewwel sigħat tiegħu fl-Oval Office Biden iffirma xejn inqas minn 15-il ordni eżekuttiva
More in Barranin
Fl-ewwel sigħat tiegħu fl-Oval Office Biden iffirma xejn inqas minn 15-il ordni eżekuttiva
Il-President Amerikan Joe Biden minnufih xammar il-kmiem u fl-ewwel sigħat tiegħu fil-White House ffirma 15-il ordni eżekuttiva biex biddel jew saħansitra waqqaf uħud mid-deċiżjonijiet ewlenin li kien ħa Donald Trump.
L-ewwel ordni eżekuttiva li ffirma Trump kienet titratta l-pandemija, b’Biden jordna l-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali fil-binjiet kollha li huwa tal-Gvern.
Apparti minn hekk, se jkun qed jitwaqqaf uffiċċju ġdid biex jikkordina r-rispons għall-pandemija u l-Istati Uniti se twaqqaf il-proċess, li beda Trump, biex toħroġ mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa.
It-tieni ordni li ffirma Biden kienet titratta t-tibdil fil-klima, fejn issa l-Istati Un
iti reġgħet saret parti mill-ftehim globali, magħruf bħala l-Ftehim ta’ Pariġi biex il-pajjiżi kollha, b’mod kollettiv jaħdmu kontra din it-theddida.
Ordnijiet oħra jitrattaw l-immigrazzjoni, b’Biden jirrevoka d-deċiżjoni li kien ħa Donald Trump għall-bini ta’ ħajt mal-fruntiera tal-Messiku u anke waqqaf il-projbizzjoni ta’ vjaġġar li kien impona Trump għal persuni li jkunu ġejjin minn xi pajjiżi Musulmani.
L-inawgurazzjoni ta’ Biden kienet differenti ħafna mis-soltu. Għalkemm sar kważi kollox, iċ-ċerimonja kienet nieqsa mill-eluf kbar ta’ nies li ssoltu jippakkjaw it-toroq ta’ Washington.
Trump ma kienx preżenti għall-inawgurazzjoni tal-President il-ġdid, anke għax għadu qatt ma kkonċeda t-telfa b’mod uffiċjali. Hu kien l-ewwel President, f’għexieren ta’ snin li ma kienx preżenti għall-inawgurazzjoni tas-suċċessur tiegħu.
“Id-demokrazija rebħat,” qal Biden fl-ewwel diskors tiegħu li matulu appella għall-għaqda u wiegħed li se jkun President għall-Amerikani kollha, anke għal dawk li qatt ma huma se jaqblu miegħu jew li vvutaw kontrih.
Intant, għall-inawgurazzjoni kien hemm preżenti tliet Presidenti Emeriti, Barack Obama, George W. Bush u Bill Clinton li ħadu sehem ukoll flimkien, f'filmat li xxandar madwar l-Amerka kollha, li fih jisħqu dwar l-importanza tal-għaqda.