Uffiċjali lokali rrappurtaw attakk bid-droni “massiv” fuq Moska li qatel mill-inqas persuna waħda, ikkawżat numru ta’ nirien, u sfurzat is-sospenzjoni tat-titjiriet u l-vjaġġi bil-ferrovija.
Is-sindku tal-Moska, Sergei Sobyanin, qed jgħid li dan huwa l-ikbar attakk bid-droni li qatt sar fuq il-belt. Min-naħa l-oħra, il-gvernatur tar-reġjun, Andrei Vorobyov, qal, “s’issa nafu b’persuna mejta u bi tlieta midrubin.”
Il-Ministeru tad-Difiża Russu rrapporta li waqqgħu 337 dron madwar ir-Russja kollha, b’91 dron madwar Moska u 126 dron fir-reġjun ta’ Kursk.
L-Ukranja qalet li l-attakk tagħha kien immirat biex ikisser infrastruttura li hija essenzjali fl-isforzi tal-gwerra tar-Russja u bħala risposta tal-ibbumbjar kontinwu tan-nazzjon Ukren.
L-attakk sar ftit taż-żmien qabel laqgħa mistennija bejn uffiċjali Amerikani u Ukreni fl-Arabja Sawdija. Il-laqgħa hija parti mill-isfozi Amerikani biex itemmu l-gwerra fl-Ukranja li ilha għaddejja tliet snin.
Fil-laqgħa, l-uffiċjali Ukreni se jippreżentaw pjan għal twaqqif mill-ġlied parzjali mar-Russja fit-tama li l-President tal-Amerika Donald Trump jerġa’ jibda jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Ukranja.
Mill-aħħar darba li ltaqgħu Trump u l-President tal-Ukranja Volodymyr Zelensky, fejn il-President Amerikan ta ħasla lill-Ukren minħabba l-“ingratitudni” ta’ Zelensky, l-Amerka ssospendiet l-għajnuna militari tagħha lill-Ukranja.