Ftit ta’ nifs u pinta birra għall-Ingliż hekk kif mil-lum tnaqqsu aktar restrizzjonijiet fir-Renju Unit u wara ġimgħat sħaħ ta’ miżuri stretti, illum fetħu mill-ġdid il-ħwienet kollha, inkluż dawk tas-sbuħija u anke l-pubs.
Ir-restrizzjonijiet bdew jitnaqqsu hekk kif il-każi ta’ Covid-19 fir-Renju Unit ġew ikkontrollati wara żieda qawwija kawża tal-varjant li beda jinxtered fost l-Ingliżi iżda spiċċa jdur madwar l-Ewropa kollha.
Minħabba f’hekk kellhom jidħlu miżuri stretti mmens iżda sadanittant ir-Renju Unit kompliet tlaqqam kemm jista’ jkun u l-programm tat-tilqim miexi wkoll b’rata tajba.
Fil-fatt, fl-aħħar jiem, numru rekord ta’ persuni ngħataw it-tieni doża. B’kollox, madwar 400,000 persuna qed jingħataw it-tieni doża tal-vaċċin kuljum.
Din hija l-lista sħiħa tal-bidla fir-restrizzjonijiet:
- Jiftħu l-ħwienet kollha inkluż dawk tas-sbuħija
- Ir-ristoranti u l-pubs jiftħu wkoll iżda jistgħu jservu biss lin-nies fuq barra
- Il-gyms, l-ispas, iż-zoos, il-parks ta' divertiment u l-libreriji fetħu wkoll
- Membri mill-istess household jistgħu jmorru btala fl-Ingilterra stess f'akkomodazzjoni self-catering
- Gruppi ta' 15-il persuna jistgħu jattendu tiġijiet u gruppi ta' 30 għal funerali
- It-tfal jistgħu jattendu attivitajiet anke fuq ġewwa
- Anzjani fi djar residenzjali jistgħu jirċievu żjarat minn żewġ persuni
- Ikomplu wkoll il-lezzjonijiet tas-sewqan.
Is-sitwazzjoni fil-Ġermanja:
Mill-banda l-oħra, l-istorja ma tantx hija sabiħa għall-Ġermanja hekk kif fl-aħħar 24 siegħa ġew irrapportati 13,245 każ, biex it-total tal-każi, minn meta faqqgħet il-pandemija, issa jaqbeż it-tliet miljuni.
Il-Ġermanja ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tesperjenza żieda sostanzjali fil-każi minħabba l-varjant tar-Renju Unit u qed tikber il-pressjoni biex ikunu introdotti aktar miżuri.
Fl-aħħar jiem, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qalet li hija favur lockdown nazzjonali għal perjodu qasir ta’ żmien, iżda sa issa għadu ma ntlaħaqx qbil mal-gvernaturi tal-istati.
Il-Gvern ta’ Merkel jidher ukoll li qed jippjana biex isaħħaħ il-poter tiegħu bil-għan li jkun jista’ jimponi restrizzjonijiet nazzjonali, inkluż curfews, mingħajr l-approvazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali.