Tliet irġiel ġew arrestati taħt l-Att tat-Terroriżmu wara li raġel inqatel fi splużjoni ta’ karozza barra l-Isptar tan-Nisa ta’ Liverpool.
Taxi li kienet qed iġorr passiġġier wieħed splodiet ftit qabel il-11:00.a.m nhar il-Ħadd, propju f'Jum it-Tifkira, hekk kif kellha tibda żewġ minuti silenzju nazzjonali. Il-passiġġier ġie ddikjarat mejjet fuq il-post iżda sa issa għad irid jiġi identifikat. Is-sewwieq weġġa’ u jinsab l-isptar f’qagħda stabbli.
Madwar sagħtejn wara, proprjetajiet f'Rutland Avenue, fl-inħawi ta’ Kensington, ġew mfittxija minn uffiċjali armati. Saru tliet arresti fi Triq Sutcliffe, f’Kensington, fejn xhieda rrappurtaw li raw uffiċjali armati wara nofsinhar.
Uffiċjali tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu qalu li tliet irġiel – ta’ 29, 26 u 21 sena – kienu miżmuma fiż-żona ta’ Kensington. Intant huma qalu wkoll li qed ikomplu jżommu moħħ miftuħ dwar il-kawża tal-isplużjoni u qed jaħdmu mal-Pulizija ta’ Merseyside hekk kif l-investigazzjoni kompliet “b'ritmu tajjeb”. Is-servizz tas-sigurtà, l-MI5, qed jassisti wkoll.
X'qal l-isptar?
L-Isptar tan-Nisa ta’ Liverpool qal li kull min għandu appuntamenti fl-isptar se jinnota żieda fis-sigurtà u l-preżenza tal-pulizija fuq il-post. Talbu lil kull min jmur l-isptar biex għalissa jevita li jġib il-vettura tiegħu.
L-isptar huwa ċentru ewlieni tar-riċerka tal-ostetrija, il-ġinekoloġija u n-neonatoloġija - l-akbar għall-ispeċjalizzazzjoni tiegħu fl-Ewropa. Deher ukoll fil-programm popolari ta’ Channel 4 'One Born Every Minute.'