L-Awstrijaċi msakkra f'darhom mill-ġdid u diversi pajjiżi jintroduċu restrizzjonijiet ġodda
Il-lockdown fl-Awstrija ġie impost għal għaxart ijiem u jista' jkun imġedded sa massimu ta' 20 ġurnata
More in Barranin
Il-lockdown fl-Awstrija ġie impost għal għaxart ijiem u jista' jkun imġedded sa massimu ta' 20 ġurnata
Mil-lum, l-Awstrijaċi reġgħu nagħlqu fi djarhom hekk kif il-Gvern impona lockdown nazzjonali, ftit jiem biss wara li kien ħabbar lockdown għal dawk li ma ħadux il-vaċċin.
Il-Kanċillier Alexander Schallenber qal li l-lockdown se jkun impost għal minimu ta’ għaxart ijiem u jista’ jkun imġedded sa massimu ta’ 20 ġurnata.
Apparti minn hekk, il-Gvern Awstrijak kien l-ewwel wieħed li impona fuq kulħadd it-tilqima. Fil-fatt mill-1 ta’ Frar, it-tilqim mhux se jibqa’ għażla personali, imma huwa impost fuq kulħadd bil-liġi.
Fl-aħħar jiem, l-Awstrija esperjenzat żieda qawwija fil-każi ta’ Covid-19 u dan anke għax ir-rata ta’ tilqim għadha baxxa ħafna ħdejn dik ta’ pajjiżi oħra.
Fil-fatt, fl-aħħar 24 siegħa, kienu rrapportati rekord ta’ 15,809 każi.
Imma l-każi mhux jiżdiedu fl-Awstrija biss. Diversi pajjiżi oħra qed jimponu restrizzjonijiet hekk kif qed jipprovaw jikkontrollaw mewġa oħra ta’ infezzjonijiet.
Il-mexxejja Ġermaniżi qablu li jintroduċu restrizzjonijiet għal dawk il-persuni li ma ħadux il-vaċċin, f’żoni fejn ikun hemm pressjoni kbira fuq l-isptarijiet.
Madanakollu, fl-istat tal-Bavarja, li jmiss mal-Awstrija, il-Gvernatur iddikjara lockdown għal dawk li ma ħadux il-vaċċin.
Il-bars u r-ristoranti se jkunu qed jingħalqu għal tliet ġimgħat u l-iswieq tal-Milied ġew ikkanċellati kollha.
Anke fl-Islovakkja kien impost lockdown għal dawk il-persuni li ma ħadux il-vaċċin. L-Olanda imponiet ukoll lockdown parzjali.