Il-President Russu, Vladimir Putin, ordna lit-truppi tiegħu biex jidħlu f’żewġ reġjuni fil-Lvant tal-Ukrajna, liema reġjuni huma mmexxija minn gruppi ribelli. Putin insista li dawn ir-reġjuni huma stati indipendenti.
Ir-Russja qalet li dawn it-truppi se jkunu qed iwettqu missjoni biex tinżamm il-paċi f’Donetsk u Luhansk, żewġ reġjuni li r-ribelli ddikjaraw repubbliċi.
Ir-ribelli, f’dawn ir-reġjuni, ilhom mill-2014 jiġġieldu kontra forzi Ukreni.
Madanakollu, l-Istati Uniti saħqet li d-dikjarazzjoni tar-Russja ma tagħmel sens xejn u li Putin qed iħejji kollox għal gwerra.
Fil-fatt, anke l-President Ukren akkuża lir-Russja li kissret is-sovranità tal-Ukrajna. Volodymyr Zelensky insista li l-Ukrajna trid il-paċi iżda saħaq li mhijiex imbeżża’ u li mhux se ċċedi.
Appella għall-għajnuna minn pajjiżi oħra u saħaq li huwa ż-żmien biex il-komunità internazzjonali turi kemm lesta taqbeż għall-Ukrajna.
Il-President Amerikan, Joe Biden, iffirma ordni eżekuttiva li tipprojbixxi investiment ġdid jew kummerċ lejn dawn ir-reġjuni, filwaqt li l-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, saħaq li l-azzjoni ta’ Russja qed “tikser is-sovranità Ukrena u għalhekk il-liġi internazzjonali.”
Intant il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, fost oħrajn, wkoll saħqu li r-Russja kissret il-liġi internazzjonali.
Saħqu li l-Unjoni Ewropea se tibqa’ turi solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna.