Ir-Russja wissiet lill-Fillandja li d-deċiżjoni tagħha li tissieħeb fin-NATO qed tkun meqjusa bħala “theddida diretta” u li se tkun qed tirritalja għal dan.
Il-Kremlin kien qed jirreaġixxi għall-fatt li dalgħodu, il-President u l-Prim Ministru tal-Fillandja qablu li pajjiżhom japplika biex isir membru tan-NATO anke fid-dawl tal-invażjoni Russa fuq l-Ukrajna.
Fir-reazzjoni tiegħu, il-Kremlin saħaq li din il-mossa mhux se tkun qed tgħin għall-istabbilità u s-sigurtà tal-Ewropa u saħaq li jekk dan iseħħ, dan se jkun meqjus bħala theddida “definittivamenta” għar-Russja.
Il-President Fillandiż Sauli Niinisto qal li l-pajjiż jaqsam fruntiera ta’ 810 mili mar-Russja u għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ġara lill-Ukrajna, għandu japplika biex jissieħeb f’din l-alleanza militari bejn xejn inqas minn 30 pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Sanna Marin qal li jittama li l-passi neċessarji li hemm bżonn jittieħdu biex din id-deċiżjoni tkun waħda finali jittieħdu malajr kemm jista’ jkun.
Il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin, min-naħa tiegħu, saħaq li l-għan tan-NATO huwa li tkompli tespandi lejn il-fruntiera Russa.
Saħaq li r-Russja mhux se toqgħod lura u hija ppreparata biex twieġeb b’mod deċiżiv kontra kull min jipprova jinvolvi lilu nnifsu direttament biex jgħin lill-Ukrajna.
Intant, anke l-Iżvezja mistennija tiddeċiedi dwar jekk għandhiex tissieħeb fin-NATO. Id-deċiżjoni mistennija tittieħed fil-jiem li ġejjin.
L-appoġġ fost il-Fillandiżi u anke l-Iżvediżi biex il-pajjiżi tagħhom jissieħbu fin-NATO żdied drastikament meta r-Russja bdiet tattakka lill-Ukrajna.
Skont sondaġġ li sar mit-televiżjoni tal-istat Fillandiż, 79% huma favur li pajjiżhom jissieħeb fin-NATO.