Tintemm l-era ta’ Eliżabetta II; Titħabbar il-mewt tar-Reġina
Ir-Reġina Eliżabetta kellha 96 sena u qattgħet snin miż-żgħożija tagħha f’Malta ma’ żewġha l-Prinċep Philip id-Duka ta’ Edinburgh
More in Barranin
Ir-Reġina Eliżabetta kellha 96 sena u qattgħet snin miż-żgħożija tagħha f’Malta ma’ żewġha l-Prinċep Philip id-Duka ta’ Edinburgh
Buckingham Palace ħabbar il-mewt tar-Reġina Eliżabetta, ftit ħin wara stqarrija rari li fiha ntqal kif it-tobba kienu mħassba dwar is-saħħa tagħha.
Dan ifisser li r-Renju Unit għandu issa Re ġdid, jiġifieri lil dak li sal-lum nafuh bħala l-Prinċep Charles.
Ir-Reġina Eliżabetta kellha 96 sena u qattgħet snin miż-żgħożija tagħha f’Malta ma’ żewġha l-Prinċep Philip id-Duka ta’ Edinburgh.
Hija kienet ir-Reġina ta’ Malta sakemm Malta kisbet ir-Repubblika fl-1974. Hija baqgħet tgħożż f’qalbha lil Malta u tisħaq li ż-żmien li qattgħet f’Malta kien fost l-isbaħ f’ħajjitha.
Ir-Reġina mietet fil-palazz ta’ Barmoral fl-Iskozja u t-tħassib dwar saħħitha beda meta kien hemm li għall-ewwel darba ħatret Prim Ministru ġdid fl-aħħar jien. Din iċ-ċerimonja dejjem saret f’Buckingham.
Fi stqarrija, Buckingham Palace qal li r-Reġina mietet mdawwra bil-familja tagħha. Qal ukoll li r-Re Karlu u r-Reġina Camilla se jibqgħu Balmoral qabel jirritornaw Londra għada.
Kemm il-Prinċep Charles (issa r-Re) u d-Dukessa ta’ Cornwall, il-Prinċep William u martu d-Dukessa ta’ Cambridge u anke l-Prinċep Harry vjaġġaw biex ikunu qrib tagħha fl-aħħar sigħat.
L-istess għamlu t-tliet uliedha oħra.
Il-Prim Ministru Liz Truss ġiet infurmata dwar saħħet ir-Reġina meta kienet qed tagħmel diskors fil-Parlament u tħabbar miżuri ġodda dwar il-prezzijiet tal-enerġija.
Immedjatament bdew dieħla messaġġi ta’ sogħba mill-awtoritajiet tar-Renju Unit iżda anke mexxejja ta’ pajjiżi mxerrda madwar id-dinja.
F’Ġunju li għadda, ir-Renju Unit u l-Commonwealth li tagħha Malta hi membru, iċċelebra s-70 anniversarju minn meta saret Reġina, anniversarju li l-ebda Re jew Reġina fl-istorja ma ċċelebra.