L-aktar mumenti ta’ prova għar-Reġina Eliżabetta II

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa estensiva lejn uħud mill-akbar kontroversji tal-Familja Rjali u kif r-Reġina Eliżabetta II kien irnexxielha tegħleb kull waħda minn dawn l-isfidi, li ħafna drabi rriżultaw fi kritika qawwija lejha... 

Għal seba’ deċenji, ir-Reġina Eliżabetta II mexxiet l-Ingilterra b’għaqal liema bħalu tant li xi kultant ninsew li lanqas biss kellha tkun hi r-Reġina u sabet postha fuq it-tron biss minħabba li zijuwha abdika mill-kariga u minfloku sar re missierha – Ir-Re Ġorġ VI. Dan ma jfissirx li qatt ma sabet ruħha fi kritika jew kontroversji. Iżda huwa l-mod ta’ kif dawret dawk il-kwistjonjiet favuriha jew ħadmet madwarhom illi wieħed għandu jammira l-aktar. 

Tliet ijiem wara l-mewt tar-Reġina Eliżabetta II, il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dawn il-mumenti ta’ prova illi kellha taffaċja r-Reġina. 

Il-mewt tar-“Reġina ta’ qlub in-nies”... Prinċipessa Diana tmut f’inċident ġewwa Pariġi 

Fl-1981, il-Prinċipessa Diana u Prinċep Karlu żżewġu ġewwa l-Katidral ta’ San Pawl f’Londra. Miljuni ta’ persuni segwew bit-tama li jkollhom togħma tat-tieġ hekk meqjus “tal-fantażiji.” 

Maħbuba minn kulħadd mill-mument li tfaċċat mal-Prinċep Karlu, il-Prinċipessa Diana dlonk saret l-ikona tal-ġenerożità u s-simpatija kif ukoll xempju ta’ kif l-Ingliżi xtaqu li l-Familja Rjali tkun. 

Iż-żwieġ ma kienx wieħed hieni, u ftit snin wara t-tieġ, xnigħat tar-relazzjoni bejn Prinċep Karlu u Kamilla bdew joħorġu fil-ġurnali. “Konna tlieta f’dan iż-​żwieġ, kien naqra ffullat” qalet ma’ The Sun Diana meta mistoqsija dwar iż-żwieġ tagħha.  

Imma s-sitwazzjoni ġiet agħar fis-sena li r-Reġina Eliżabetta II sejħitilha “Annus Horribilis”. Fl-1992, Diana u Karlu ħabbru s-separazzjoni tagħhom. L-istess għamel Prinċep Andrew (ħu Karlu) illi ssepara minn mal-mara tiegħu Sarah Ferguson filwaqt li oħthom, Prinċep Anne, ddivorzjat lir-raġel tagħha ukoll.  

Fl-1996, Karlu u Diana ħadu d-divorzju, u Diana qablet li tirrinunzja t-titlu ta’ “Her Majesty” imma mhux it-titlu tal-“Prinċipessa ta’ Wales.” Is-snin ta’ wara raw lil Diana tagħmel karità f’pajjiż wara l-ieħor. Hawn fejn il-Prinċipessa ta’ Wales bdiet tiġi msejjħa bħala “r-Reġina ta’ qlub in-nies” mill-poplu. 

Kollox kien miexi ħarir sal-1997, meta mietet ħabta u sabta f’inċident tat-traffiku f’mina fi Franza flimkien mal-maħbub tagħha Dodi Fayed. 

Il-mewt ta’ Diana kien xokk, kemm għal poplu kollu imma wkoll għal Familja Rjali, li dak iż-żmien kienu qegħdin fil-Palazz Balmoral, fl-Iskozja – l-istess palazz li fih mietet ir-Reġina Eliżabetta II. Waqt li l-poplu kien imbikkem, imħawwad u rrabjat għal mewt ta’ Diana, il-familja Rjali ma lisnetx kelma. 

Bosta kkritikaw lir-Reġina u sejħulha “mara bla qalb” u “bla emozzjoni.” Kien hemm min mar fl-estrem li weħħel il-mewt ta’ Diana fuq ir-Reġina u saħansitra bdiet xniegħa li l-Familja Rjali qabdet lil xi ħadd sabiex jagħmel sabotaġġ mill-karozza tal-Prinċipessa. 

Eventwalment il-Familja Rjali marret lura l-Ingilterra, ġurnata qabel il-funeral. Ir-Reġina indirizzat lil poplu f’xandira fejn minflok qrat mill-ittri u l-karti bħal ma’ għamlet fil-ħamsin sena ta’ qabel, qalet dak li kellha f’qalbha. Għalkemm serja għall-aħħar, il-kisra fil-vuċi tagħha instemat u bil-mod qalet: “Se nkellimkom bħala r-Reġina tagħkhom imma wkoll bħala nanna... ħadd mhu se jinsieha lil Diana.” 

L-għada sar il-funeral u s-subien William u Harry bdew iħossuha bi tqila biex jimxu wara t-tebut. Iżda nannuhom qallilhom, “jekk timxuha, nimxiha magħkom.” Żamm kelmtu u l-prinċep Filippu mexa magħhom mill-Palazz ta’ Kensington għal Westminster Abbey f’Londra. Dan kien ġest imprezzabli għall-poplu. Wara r-Reġina niżlet flimkien ma’ żewġha quddiem il-palazz biex tara t-tifkiriet li ħallew in-nies u dan għal poplu fisser ħafna.  

Mit-traġedja f'Aberfan sal-kontroversji li daħal fihom il-Prinċep Harry 

Sbieħ filgħodu tal-21 ta’ Ottubru 1966, fir-raħal ta’ Aberfan fil-qalba tan-nofsinhar ta’ Wales, in-nies reġgħu sabu ma’ wiċċhom xita qalila bla waqfien bħalma kien ilu għaddej għal ġimgħa sħiħa. It-tfal telqu mis-sħana ta’ darhom u t-tgħanniqa ta’ ommhom u mxew t-toroq mċajpra sabiex imorru l-iskola. 

Pantglas Junior School, fetħet il-bibien għal 240 student, u wara t-talb ta’ filgħodu kollha sabu posthom wara l-bank tal-klassi eċitati biex f’nofs in-nhar joħorġu għal vaganzi ta’ nofs is-sena.  

Fil-quċċata tar-raħal, kien hemm il-minjiera ta' Merthyr Vale. Miftuħa fl-1869, il-minjiera kienet waħda mill-ftit li baqgħet għaddejja anke fit-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tagħti l-enerġija lill-Ingilterra kollha. 

Sal-1966, l-industrija tal-faħam kienet ilha qed tfalli minħabba li ż-żejt kien qed jiġi preferut u fil-fatt bosta minjieri kienu għalqu. Madankollu, f'Aberfan, il-minjieri baqgħu għaddejjin u fil-fatt kienu qed jipprovdu xogħol għal 800 raġel li jaħdmu kuljum ħlief biex imorru l-quddies tal-Ħadd. 

Issa meta wieħed iħaffer, il-materjal żejjed jwarrbu mal-ġenb sakemm ikollok bħal muntanja ta’ ħamrija, faħam u ilma imma dan qatt ma ħa azzjoni. Kull minjiera kien ikollha minnhom u n-nofsinhar ta’ Wales kien kważi magħmul biss b’dawn il-muntanji. 

Il-Bord Nazzjonali tal-Faħam (NCB) kien ilu jirċievi ilmenti fuq muntanja partikolari f’Aberfan, il-muntanja numru sebgħa. Mibdija fl-1958, din kienet laħqet għoli ta’ 34 metru, kważi 10 sulari. 

Fis-7:30.a.m il-ħaddiema indunaw li l-muntanja bħal donna “għerqet” fiha nnifisha b’sitt metri, bil-mod bdiet titla' 'l fuq u f’daqqa waħda  bħal splodiet bħal vulkan.  

Li kieku dan kollu seħħ imqar 20 minuta qabel, jaf forsi l-imwiet kienu ħafna inqas, iżda ġara li l-iskola ċediet f’temp ta’ sekondi taħt il-fdalijiet tal-muntanja numru sebgħa. Tant kemm ġara kollox f’daqqa li lanqas ċans għal telefonati jew qniepen ma kien hemm, l-iskola ma kien baqa’ xejn minnha ħlief bricks aħmar u faħam iswed. 

Il-ħaddiema, l-għalliema, il-ġenituri, u tfal oħra infexxew iqallbu fil-fdalijiet iffitxu lil sħabhom u lil uliedhom. B’nitfa tama kull darba li jsibu xi żigarella ħamra ta’ ċkejkna żgħira, baqgħu iffitxu sakemm irnexxilhom isalvaw 124 tifel u tifla filwaqt li l-kadavri mexxewhom għal ġo kappella fil-viċin. 

Filwaqt li r-Reġina ġiet infurmata bit-traġedja ftit wara li seħħet, hija stenniet tmint ijiem biex iżżur Wales, dewmien, li jingħad li jiddispjaċiha immens dwaru. Ir-raġunament tagħha, skont il-bijografija tagħha stess, kien il-biża li ttellef mill-operazzjoni sabiex jinstabu il-vittmi. Iżda Prinċep Filippu mar qabilha jżur iż-żona u hemm qalbha ħabritha li żbaljat.  

Nies li kienu hemm meta marret fid-29 ta’ Ottubru, jirrakontaw kif ir-Reġina niżlet fit-tajn bit-takkuna u bkiet mal-ommijiet. Dan kien l-ewwel u ftit mill-uniċi mumenti li r-Reġina dehret tibki fil-pubbliku, u għalhekk in-nies indunaw li ġenwinament iddispjaċiha. Wara l-inċident, ir-Reġina żaret Aberfan erbgħa darbiet tul ħajjitha. 

‘Il-Familja Rjali ma titgħallem qatt!’ – Is-saga ta’ Harry u Meghan 

Jekk hux għax telaq jiġri għarwien ħuta ġewwa Las Vegas jew inkella għax xtara mutur bil-moħbi, it-tifel iż-żgħir tal-Prinċipessa Diana, Harry, kien dejjem issib ruħu f’xi kontroversja. Iżda, bosta jemmnu li l-imħabba bejnu u bejn Meghan Markle, attriċi Amerikana, ma kellhiex tkun kontroversja mill-bidu u li l-Familja Rjali qatt ma tgħallmet mill-iżbalji tagħha stess. 

Harry u Meghan iltaqgħu l-ewwel darba fl-2016, u jingħad li l-mument li bdew joħorġu flimkien, it-tnejn kienu jafu li “huma għal xulxin.” Meghan ammetiet mal-ġurnali li bħala Amerikana, lanqas biss kienet taf x’isir fil-Familja Rjali, għaliex qegħda hemm jew inkella kemm hi importanti. 

Ftit xhur wara, Harry laqqgħaha ma’ missieru Karlu u ġie diskuss bejniethom il-futur tar-relazzjoni. Minkejja l-Uffiċju tar-Reġina ma għamilhiex uffiċjali, ir-relazzjoni bejniethom bdiet tiġbed l-attenzjoni u Meghan sabet ruħha f’mewġ ta’ abbuż mill-pubbliku. Dan l-abbuż sar minħabba li Meghan hija mara Amerikana, ta’ karnaġġjon iswed u ddivorzjatha darbtejn. 

Ir-relazzjoni baqgħet għaddejja u min-naħa tiegħu Prinċep William offra l-appoġġ lil ħuħ f’dan iż-żmien diffiċli. Il-koppja daħlu fl-għerusija fl-2017 u żżewġu fil-Kappella ta’ San Ġorġ fil-Palazz ta’ Windsor fl-2018. 

Tajjeb ngħidu li l-Milied qabel it-tieġ, Meghan kisret il-protokolli Rjali, bl-approvazzjoni tar-Reġina wara li din stednitha tqatta’ l-Milied magħhom f’Sandrigham.  

Intant, il-Milied ta’ wara bdew xnigħat li hemm il-ġlied bejn il-koppja l-ġdida u l-Familja Rjali wara li Meghan inqabdet tqila bl-ewwel wild. Għalkhemm il-koppja bdew jidhru fuq btali f’isem il-Familja Rjali, kien vera beda’ jinħass bħal distanza bejn il-koppja u l-Familja. 

F’Jannar tal-2020, il-koppja ħabbret li se tieħu pass lura mill-Familja Rjali u se jibdew jaħsbu għal rashom. Huma xtraw villa f’Kalifornja fejn marru joqgħodu ma’ binhom Archie. 

F’intervisti iktar tard, Meghan qalet li tilfet l-ewwel tarbija, illi għaddiet minn problemi ta’ saħħa mentali u l-Familja Rjali bdew jinkwetaw fuq il-kulur tal-ġilda tat-tfal tagħhom għax “beżgħu li jiġu skuri bħalha.” 

Ir-Reġina nnifisha ċaħdet nofs l-akkużi tal-koppja filwaqt li żiedet tgħid li problemi bir-razza tat-tifel “ġew indirizzati fil-privat.” Skont Meghan, l-inkwiet pero’ qalgħu Prinċep Karlu għax ma riedx “neputijiet suwed,” iżda l-mument li Archie ħareġ b’xagħru oranġjo, “Karlu nesa’ kollox.” 

Din il-firda infirxet tant li Harry u William ukoll iġġieldu. Din il-firda baqgħet tissaħħaħ u lanqas il-mewt ta’ nannuhom Filippu  ma affetwahom. Għalkemm Harry mar għal funeral u mexa’ ma’ ħuħ wara t-tebut, kienu jidhru skomdi u nies fil-palazz irrakontaw kif wara ftit minuti bdew jisimgħuhom jiġġieldu. 

Imma wara l-maltemp jiġi l-bnazzi, u kellu jkun l-anniversarju mill-mewt ta’ ommhom illi jgħaqqadhom. Filwaqt li dehru “differenti” meta kixfu l-monument ta’ ommhom Diana, l-aħwa dehru wkoll jikkunslaw lil xulxin. 

Ir-relazzjoni baqgħet tiġi għall-aħjar bil-mod, u fil-fatt Harry semma lit-tifla tiegħu Lilibet Diana, l-isem ta’ nanntu u ommu flimkien. Dan kien ġest li ntlaqa’ tajjeb min-nies u allura r-Reġina għamlitha punt li l-koppja terġa’ tmur taraha, sabiex tara liċ-ċkejknin. 

Għan-nies dan wera’ li l-Familja Rjali għad baqalha x’titgħallem iżda li r-Reġina hija umana wkoll u bħala nanna nsiet id-diffikultajiet kollha li miegħu ġab Harry, basta jkun magħqud magħha. 

Dan l-istess sentiment Harry qal li ħassu fil-mewt ta’ ommu, meta r-Reġina kienet qed taqla’ kritika ħarxa għax ma marritx l-Ingilterra iżda skont William u Harry, ir-Reġina dakinhar neżgħat il-kuruna għal darba f’ħajjitha u kienet biss nanna. 

Kont taf li r-Reġina Eliżabetta II... 

Ir-Reġina Eliżabetta mal-Prim Ministru Winston Churchill
Ir-Reġina Eliżabetta mal-Prim Ministru Winston Churchill

Ir-Reġina Eliżabetta II hija l-iktar waħda li damet fuq it-tron. Kienu appuntati u servew 15 il-Prim Ministru fir-renju tagħha, inkluż Winston Churchill li għalkemm fil-bidu ma kienx jafdaha ħafna, biż-żmien sar iħobbha daqs bintu. 

Eliżabetta hija l-unika persuna fl-Ingilterra li setgħet issiefer bla passaport u ssuq mingħajr liċenzja tas-sewqan. 

Ir-Reġina Eliżabetta, riekba fuq is-Sultan, hija akkumpanjata Lord Linley u l-Prinċep Andrew f'Windsor Park.
Ir-Reġina Eliżabetta, riekba fuq is-Sultan, hija akkumpanjata Lord Linley u l-Prinċep Andrew f'Windsor Park.

Minkejja l-ilbiesi sbieħ, l-eleganza liema bħala u l-protokolli li jiġu mat-titlu ta’ Reġina, Eliżabetta kienet tħobb tilgħab football fil-ħamrija, ittellaq il-ħamiem u ittellaq biż-żwiemel. L-ewwel żiemel tagħha kien jismu ‘Peggy’. 

Ir-Reġina fit-Tieni Gwerra Dinjija
Ir-Reġina fit-Tieni Gwerra Dinjija

Ir-Reġina kienet parti mit-Tieni Gwerra Dinjija, fejn ħadmet bħala sewwieqa tat-trakkijiet u anke bħala mekkanik. Fil-fatt ‘il quddiem ħalset għal-libsa tat-tieġ bil-kupuni tal-gwerra. 

Ir-Reġina mal-klieb tagħha
Ir-Reġina mal-klieb tagħha

F’ħajjitha r-Reġina rabbiet 30 kelb, kollha tar-razza Corgi. Kien hemm żmien li fil-Palazz kellha disat iklieb fl-istess waqt u kollha kemm huma kienu jġibu ruħhom tajjeb. 

Eliżabetta ma setgħetx tmur skola bħal studenti oħra u minflok kienet tiġi mgħallma l-protokolli Rjali, l-kostituzzjoni u l-istorja minn età żgħira. Meta saret Reġina bdiet tħoss li hija ‘injoranta’ f’numru ta’ suġġetti u ta’ età kbira bdiet tistudja l-lingwi, il-matematika, u l-ġrajjiet kurrenti. 

Il-messaġġ tar-Reġina fil-ġurnata tal-Milied
Il-messaġġ tar-Reġina fil-ġurnata tal-Milied

Eliżabetta kienet minn tal-ewwel li għamlet l-ewwel messaġġ tal-Milied, l-ewwel dokumentarju fuq il-Familja Rjali imma wkoll l-ewwel mixja Rjali. Hija ħasset li riedet tifhem lin-niesha aktar u dan ma setgħetx tagħmlu billi tibqa’ msakkra fil-palazz. Fil-fatt kien fl-1970, meta r-Reġina abbandunat il-karozza u mxiet qalb in-nies, teħodilhom b’idejhom u tkellimhom. Xi ħaġa li qabel kienet kważi skandlu iżda issa qed jagħmilha diġà ir-Re Karlu. 

Ir-Reġina Eliżabetta u żewġha Prinċep Filippu
Ir-Reġina Eliżabetta u żewġha Prinċep Filippu

Hija iltaqgħet ma’ Filippu meta kellha biss tmien snin u hu kellu 13-il sena fit-tieġ tal-Prinċep George (iz-ziju ta’ Eliżabetta) u l-Prinċipessa Marina (kuġina ta’ Filippu). Eliżabetta u Filippu allura kienu kuġini terzi. Meta Filippu kellu 18-il sena, beda jikteb lil Eliżabetta ta’ 13-il sena. Seba’ snin wara, kienu għarajjes. 

Il-ħafna kuluri tar-Reġina Eliżabetta
Il-ħafna kuluri tar-Reġina Eliżabetta

Ir-Reġina kienet magħrufa għal ħwejjeġ b’kuluri vibranti. Meta mistoqsija għaliex tilbishom, hija kienet tispjega li kienu jaqilgħuha mill-kumplament tal-folla u b’hekk in-nies jarawha mal-ewwel. 

Ir-Reġina flimkien ma' Earl Spencer, ħu l-Prinċipessa Diana ġewwa l-Awstralja
Ir-Reġina flimkien ma' Earl Spencer, ħu l-Prinċipessa Diana ġewwa l-Awstralja

Ir-Reġinà qagħdet parrina lill-iktar minn 30 tifel u tifla, inkluż għal ħu l-Prinċipessa Diana, Earl Spencer. 

More in Barranin