L-Ukrajna qalet li sabet qabar tal-massa fil-belt ta’ Izyum, waħda mill-ibliet li fl-aħħar jiem, il-Forzi Ukreni rebbħu minn idejn dawk Russi.
Il-Kap tal-Pulizija reġjonali, Volodymyr Tymoshko qal li x’aktarx f’dan il-qabar tal-massa hemm midfuna madwar 400 persuna.
“Ir-Russja qed tħalli l-imwiet kullimkien,” qal il-President Volodymyr Zelensky waqt li saħaq li mhux qed ikun eskluż li jinsabu aktar oqbra simili fiż-żoni li nħelsu minn idejn ir-Russi.
L-Ukrajna u anke pajjiżi tal-punent kienu akkużatw lir-Russja b’reati ta’ gwerra, xi ħaġa li Moska qed tiċħad.
Għadu mhux magħruf x’ġara minn dawn il-vittmi, imma jidher li ħafna minnhom mietu kawża tal-attakki u anke nuqqas ta’ mediċina u kura medika.
Hemm indikazzjoni wkoll li xi iġsma jistgħu jkunu ta’ suldati Ukreni.
Illum, mistennija jibdew jinqalgħu dawn il-iġsma biex tingħata stampa aktar ċara ta’ kemm indifnu persuni.
“Irridu li d-dinja tkun taf dak li qed jiġri taħt l-okkupazzjoni Russa. Bucha, Mariupol u issa Izyum ukoll,” qal il-President Zelensky.